L-Impjant għar-riċiklaġġ f’Wied il-Għajn se jerġa’ jinbena minn Jannar li ġej

L-Impjant għar-riċiklaġġ ta’ Sant’Antnin f’Wied il-Għajn se jerġa' jinbena temporanjament iżda se jsir b’tali mod li jkun jista’ jiżżarma u fi żmien seba’ snin oħra jkun rilokat fil-kumpless tal-Magħtab ħdejn l-impjant l-ieħor magħruf bħala l-Malta North.
Dan ħabbru l-Ministru tal-Ambjent Jose’ Herrera fil-Parlament għall-mistoqsijiet tad-Deputati Nazzjonalisti Karol Aquilina, Claudio Grech u Beppe Fenech Adami.
Il-Ministru Herrera semma ċ-ċifra ta’ €5 miljun u qal li l-bini ta’ dan l-impjant temporanju f’Wied il-Għajn se jibda fil-bidu tas-sena d-dieħla. Qal li l-Gvern se jerġa' jibni l-impjant b’teknoloġija moderna biex malli jasal il-waqt, l-impjant ikun jista’ jerġa' jiżżarma u jkun parti mill-impjant li hemm fil-Kumpless tal-Magħtab.
X'qed isir minnu l-iskart riċiklabbli li qed jinġabar?
L-Avukat Herrera spjega li l-iskart riċiklabbli li bħalissa qed jinġabar bieb bieb qed jidħol kollu fl-impjant tal-Magħtab. Qal li l-proċess tas-separazzjoni bħalissa qed isir kollu bl-idejn għaliex l-impjant il-ġdid fil-Magħtab jaħdem differenti minn dak ta’ Sant'Antnin. Qal li l-Wasteserv se tibda tesporta parti sostanzjali tal-materjal riċiklabbli li qed jidħol ta’ kuljum. Qal li ma tistax tagħmel mod ieħor iżda ħeġġeġ lill-kumpaniji kummerċjali u l-poplu inġenerali biex ikomplu jirriċiklaw.
"Mhux eskluż li l-Inċineratur isir il-Magħtab ukoll"
Il-Ministru Herrera qal li l-pjan wiesa’ fl-immaniġġjar tal-iskart, iktar 'il quddiem se jinkludi li 40% tal-270,000 tunnellata ta’ skart li qed imur fil-miżbla tal-Għallis se jkunu qed jinħarqu fl-inċineratur li jrid jinbena. Il-Ministru tal-Ambjent m’eskludiex li l-inċineratur jinbena fil-kumpless tal-Magħtab ukoll iżda qal li hemm il-kumitat għall-immaniġġjar tal-iskart li qed jagħrbel l-istudji li saru u kull applikazzjoni li ssir fejn se jinbena trid tkun approvata mill-Awtoritajiet kompetenti wara l-istudji tal-impatt ambjentali.
Il-Ministru Herrera qal li l-inċineratur propost se jkollu kapaċità li jaħraq 110,000 tunnellata ta’ skart u dan ifisser li l-pajjiż xorta se jagħti importanza lis-separazzjoni tal-iskart. Huwa qal li r-rata ta’ 11-12% ta’ riċiklaġġ hija wisq 'il bogħod mill-miri tal-pajjiż iddettati mid-direttivi Ewropej.
Il-Ministru Herrera qal li l-immaniġġjar tal-iskart hija prijorità assoluta fil-Ministeru tiegħu u stqarr li jkun falla jekk il-pajjiż ma javvanzax 'il quddiem f’dan il-qasam.