L-Impatt tremend li l-Papa Ġwanni Pawlu II kellu fuq id-dinja

Is-sequel tal-film Karol, The Man Who Became Pope

Ritratt: DELIA WOEHLERT / Uffiċju stampa Mediaset

Wara li l-ġimgħa l-oħra xxandar Il-film Karol The Man who Became Pope, illejla fuq Canale 5 se jixxandar is-sequel Karol: The Pope, The Man (Karol – Un papa rimasto uomo) dwar Ġwanni Pawlu II, il-Papa li kellu effett kbir mhux biss fuq il-ħajja tal-Kattoliċi fid-dinja imma wkoll fil-ħajja politika ta’ tant nies li meta kien elett Papa kienu għadhom maħkuma mill-Komuniżmu. Il-film jixxandar fid-9.25pm.

Dan il-film dwar il-Papa Ġwanni Pawlu II mar tajjeb ħafna meta beda jintwera fl-2006. Il-film inħadem fl-Italja u fil-Polonja u jiffoka fuq il-papat ta’ Ġwanni Pawlu II u l-impatt tremend li kellu fuq il-Knisja u d-dinja.

Fil-parti prinċipali naraw lil Piotr Adamczyk li jimxi pass pass mal-ħajja tal-Papa minn mindu kien elett fl-1978 sa ma miet fl-2005. Hija l-istorja vera b’saħħitha ta’ mexxej spiritwali kariżmatiku li għen biex jintgħeleb il-komuniżmu, iġedded il-ħajja tal-Knisja u żera’ fiż-żgħażagħ mad-dinja kollha l-imħabba għal Kristu. Kien Papa li laħaq lil reliġjonijiet oħra u lill-mexxejja tad-dinja b’messaġġ ta’ paċi u l-imħabba.

Ma’ Piotr Adamczyk  jaħdmu Raoul Bova, Michele Placido u Adriana Asti fil-parti ta’ Madre Tereża.