L-Imnarja Żmien il-Qtil jerġa’ jixxandar mil-lejla

Illejla fid-8.50pm fuq TVM se jixxandar l-ewwel minn tlett partijiet tad-dramm L-Imnarja Żmien il-Qtil ta’ Francis Ebejer. Din il-produzzjoni kienet ittellgħet fl-1995 fl-Iskola Primarja Ġużè Ebejer f’Ħad-Dingli.

Din kienet it-tieni darba li din il-produzzjoni kienet ittellgħet, bl-ewwel draba tkun fl-1973. Din l-istess produzzjoni kienet ukoll ġiet iddedikata biex tfakkar għeluq il-50 anniversarju mit-twaqqif tan-Nazzjonijiet Uniti. L-istess produzzjoni ttellgħet bħala parti mill-Festival Internazzjonali tal-Arti.

B’direzzjoni ta’ Carmel S. Aquilina u produzzjoni ta’ Talenti, il-cast jinkludi lil Mario Micallef, Stephanie Farrugia, Michael Sciortino, Ray Abdilla, Rachel Portelli, Fabian Scerri De Carlo u Shirley Blake.

Il-ġrajja hi ambjentata f’dar antika tal-kampanja fil-Buskett u sseħħ fix-xahar ta’ Ġunju, meta jkunu qed isiru ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Imnarja. Matul il-ġrajja li se tkun qed tixxandar kull nhar ta’ Tlieta għal tlett ġimgħat konsekuttivi se naraw il-karattri min huma r-rebbieħa u t-telleofa fil-logħba tal-ħajja, kif ukoll tispikka t-tkeċċija tal-isħra tal-passat.

L-Imnarja Żmien il-Qtil huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa xogħlijiet li wasslilna Ebejer.

Mit-Tnejn 15 ta’ Ġunju fin-12.30pm, fuq TVM 2, se tkun qed issir repetizzjoni ta’ din il-produzzjoni.