“L-Imnajdra mhux sit għall-parties”; “Mhux se jsir party”

Read in English.

Il-kumpanija District, li qed tippjana avveniment l-Imnajdra, ħabbtet wiċċha mal-kontroversja hekk kif saret petizzjoni kontra dan l-avveniment f’wieħed mill-iżjed siti antiki madwar id-dinja. Il-petizzjoni tisħaq kontra “party” f’sit daqshekk importanti għall-istorja. Il-Heritage Malta, minn naħa tagħha, spjegat li l-avveniment se jsir barra l-Imnajdra mhux fit-tempji stess, u li huwa avveniment ta’ live streaming ta’ siegħa u mhux party. Minn naħa tagħha, District iddeċidiet li ħadd m’hu se jattendi l-avveniment wara l-kontroversja, minkejja li kienet stiednet 60 ruħ b’mod esklussiv.

“It-tempji eqdem minn Stonehenge u mill-Piramidi ta’ Giza” – District

District stqarret li t-tempji huma iżjed antiki minn Stonehenge u mill-Piramidi ta’ Giza, u li dik hija l-ħaġa li tagħmel is-sit post uniku għal avveniment bħal dan.

Il-kumpanija ħabbret l-avveniment fuq Facebook, hekk kif iddiskrivietu bħala wieħed uniku, f’post li għandu iżjed minn 5,000 sena. Il-kumpanija żiedet tgħid li dan se jkun set ta’ DJ Denis Sulta li se jintwera live fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Mixmag.

We’ve got something (pre)historic up our sleeves.District is hosting a unique sunset showcase at Mnajdra Temples…

Posted by District on Wednesday, August 21, 2019

“L-istorja ta’ Malta ħaqqha iżjed rispett” – Petizzjoni

Minħabba dan l-avveniment, inbdiet petizzjoni fejn sostniet li l-istorja ta’ Malta ħaqqha iżjed preġju u rispett.

Il-petizzjoni tgħid li t-tempji huma fost l-iżjed siti antiki madwar id-dinja, u li l-party li ġie organizzat flimkien mal-Heritage Malta għandu jitwaqqaf. Il-petizzjoni sostniet li Heritage Malta għandha tneħħi l-permessi hekk kif dan huwa post sagru, irrespettivament tar-reliġjon.

“L-avveniment se jsir barra it-tempji, bir-restrizzjonijiet” – Heritage Malta 

Minn naħa tagħha, Heritage Malta kkjarifikat li l-avveniment mhux se jseħħ fit-tempji, iżda barra. Barra minn hekk, hemm numru ta’ restrizzjonijiet.

L-istqarrija żiedet tgħid li l-avveniment huwa biss turija ta’ filmat live ta’ siegħa, u li mhux se jkun hemm udjenza preżenti.  Spjegat li  hemm numru ta’ restrizzjonijiet bħal tipi ta’ dwal u tipi ta’ sistemi għall-mużika li setgħu jintużaw, u li se jkun hemm uffiċċjali tal-Heritage Malta preżenti fuq il-post biex jiżguraw li l-kundizzjonijiet qed jinżammu.

“Mhux se jkun hemm udjenza” – District 

Wara l-istqarrija ta’ Heritage Malta, il-kumpanija District iddeċidiet li għalkemm qabel kien se jkun hemm 60 ruħ preżenti li ntgħażlu b’mod esklussiv, wara l-protesti li tqajjmu, mhu se jkun hemm ħadd ħlief Denis Sulta. Dan flimkien ma’ Mixmag, li se jkunu qed juru l-filmat tiegħu fuq il-page ta’ Facebook tagħhom.

Żiedet li bħal ma qalet Heritage Malta, hemm restrizzjonijiet fuq dwal u storbju, u li ħadd m’hu se jkun qrib jew fit-tempji. Mhux se jkun hemm alkoħol u sigaretti. Preżenti se jkun hemm ambulanza u l-Pulizija.

District spjega li l-avveniment mhux se jiġbor flus minnu hekk kif din kienet mod kif ipoġġi lil Malta fuq il-mappa rigward mużika u l-istorja ta’ Malta. Inizjattivi simili saru f’pajjiżi oħra u f’siti tal-istess importanza.