L-immunità tal-massa toħloq problemi fuq livelli xjentifiċi kif ukoll etiċi – WHO

Read in English.

Id-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qal li l-użu tal-kunċett ta’ immunità tal-massa (herd immunity) bħala strateġija kontra l-imxija tal-coronavirus joħloq “problemi fuq livelli xjentifiċi kif ukoll etiċi”.

Meta tkellem matul diskors fl-aħħar konferenza għall-midja f’Ġinerva, Tedros Adhanom Ghebreyesus ikkummenta wkoll dwar diskussjonijiet riċenti rigward il-kunċett li tinkiseb dik li tissejjaħ immunità tal-massa billi l-virus jitħalla jibqa’ jinfirex.

Huwa qal li l-immunità tal-massa tinkiseb billi l-persuni jiġu protetti minn virus, mhux meta jiġu esposti għalih.

“Fl-istorja tas-saħħa pubblika, l-immunità tal-massa qatt ma ntużat bħala strateġija biex nirrispondu għal tifqigħa ta’ virus, aħseb u ara għal pandemija. Dan il-fatt joħloq problemi xjentifiċi u etiċi,” qal Tedros, filwaqt li żied jgħid li m’għandniex biżżejjed informazzjoni dwar l-immunità għall-COVID-19.

“Bosta persuni li huma infettati bil-virus li jikkawża l-COVID-19 jiżviluppaw rispons immuni fl-ewwel ftit ġimgħat, imma ma nafux kemm hu qawwi dan ir-rispons, jew għal kemm se jdum, jew kif ivarja bejn il-persuni differenti. Għandna xi indikazzjonijiet, imma m’għandniex l-istampa kollha,” żied jgħid.

Huwa nnota wkoll eżempji ta’ persuni li ġew infettati bil-COVID-19 u wara reġgħu mardu bil-virus għat-tieni darba.