“L-immunità tal-massa ma tistax tintlaħaq billi aktar nies ikunu esposti għall-virus” – Fearne

Chris-Fearne
Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-immunità tal-massa ma tistax tintlaħaq billi aktar nies jiġu esposti għall-coronavirus.

Huwa qal dan hu u jwieġeb mistoqsija parlamentari tal-Membru Parlamentari tal-Oppożizzjoni Godfrey Farrugia, li huwa wkoll eks Ministru tas-Saħħa. Farrugia staqsa lil Fearne għaliex id-Dipartiment tas-Saħħa mhux qiegħed isegwi r-rakkomandazzjonijiet preżentati fid-dikjarazzjoni ta’ Great Barrington, maħruġa ftit ġimgħat ilu, li tindirizza l-immaniġġjar tal-kriżi tal-Covid-19.

Dr Farrugia saħaq li din id-dikjarazzjoni ġiet appoġġjata minn aktar minn 30,000 tabib u 10,000 xjenzjat mediku u speċjalizzat fis-saħħa pubblika, iżda d-Dipartiment tas-Saħħa Malti ħareġ regolamenti li huma kontrarji għal jew ħafna aktar ħorox mir-rakkomandazzjonijiet imsemmija tad-Dikjarazzjoni ta’ Great Barrington.

Il-Ministru wieġbu li fil-15 t’Ottubru, l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa (WHO) ħarġet spjegazzjoni ċara ta’ kif l-immunità tal-massa ma tistax tiġi milħuqa billi tesponi aktar nies għall-infezzjoni u konsegwentement għall-mewt, imma permezz ta’ kampanji ta’ tilqim. Insista li dawn mhumiex rakkomandazzjonijiet ġodda li saru fi żmien din il-pandemija tal-Covid-19 imma huwa prinċipju kardinali tas-Saħħa Pubblika li kien hemm minn dejjem. 

Fuq id-Dikjarazzjoni ta’ Great Barrington, Dr Fearne qal li din tisħaq il-kontra, bl-argument li l-popolazzjoni f’riskju tista’ tiġi protetta kompletament. Il-Ministru spjega li l-esperjenza lokali u anke dik internazzjonali turi li dan ma seħħ imkien. Temm jgħid li fil-qasam xjentifiku, dejjem ikun hemm diverġenza t’opinjoni. 

Żied jgħid li bħal dejjem, l-awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika Maltija joqogħdu fuq il-linji gwidi pprovduti lilhom mill-awtoritajiet internazzjonali fil-qasam, bħall-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u l-ECDC.

“Il-WHO tirrakkomanda l-użu tal-maskri meta ma tistax tinżamm distanza biss” – Farrugia

Id-Deputat Farrugia staqsa wkoll kif Malta ma timxix mal-linji gwida tal-WHO, li tgħid li fil-każ tan-nies li m’għandhomx sintomi, il-maskri għandhom jintlibsu biss meta ma tistax tinżamm distanza.

Il-Ministru għas-Saħħa wieġbu li ma ġewx ikkonsultati l-istandards tal-WHO biss. Fiehem li r-rakkomandazzjonijiet tal-WHO japplikaw għad-dinja kollha, imma hemm standards ogħla li japplikaw għall-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (ECDC), għar-Renju Unit (Public Health England), għall-Italja (Istituto Superiore di Sanità), għall-Istati Uniti (CDC) u oħrajn.