“L-immigrazzjoni trid tiġi indirizzata mill-pajjiżi Ewropej kollha” – Metsola

Il-membri tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u Kashetu Kyenge saħqu fuq il-bżonn li l-isfida tal-immigrazzjoni irregolari tiġi indirizzata b’mod olistiku mill-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni Ewropea.
Qalu li dwar l-immigrazzjoni ma jistax jibqa’ l-każ li jkun hawn pajjiż Ewropew waħdu li jindirizza l-isfida.
Metsola u Kyenge ħadmu flimkien fuq rapport fuq l-immigrazzjoni li qed jippreżenta tmin temi li l-Unjoni Ewropea trid tindirizza fosthom mod legali kif l-immigranti jistgħu jidħlu fl-Ewropa.
Roberta Metsola qalet li t-traffikanti tal-bnedmin qed ibiddlu l-metodi tagħhom u jkomplu javvantaġjaw ruħhom mill-persuni l-iżjed vulnerabbli.
Qalet li matul l-2014, l-Ewropa irċeviet aktar minn 650,000 applikazzjoni għall-ażil jew żieda ta’ 40% fuq is-sena ta’ qabel.
Min-naħa tagħha, Kyenge sostniet li l-kriżi mhix l-immigrazzjoni imma in-nuqqas ta’ qabil fuq politika komuni fost il-pajjiżi membri kif dan il-fenomenu se jiġi indirizzat.
Hija faħħret il-ħidma tat-Taljani Mare Nostrum fejn ġew salvati 250,000 persuna u qalet li Triton tal-Frontex mhix soluzzjoni adegwata.
Enfasizzat li mill-bidu tas-sena, fil-Mediterran mietu 460 immigrant u fl-aħħar erbat ijiem ingħata s-sokkors lil 5,629 persuna.
Iż-żewġ membri tal-Parlament Ewropew insistew li s-soluzzjoni trid tinstab b’politika komuni u li l-pajjiżi kollha jagħtu sehemhom.
Il-kumitat LIBE se jkun qed jitlob investigazzjoni fuq kif intefqu l-fondi dwar l-immigrazzjoni, l-ażil u s-sokkors fuq il-baħar u mistennija li jsiru żjarat f’pajjiżi membri.
Aktar kmieni l-kumitat LIBE kien indirizzat ukoll mill-Kummissarju Ewropew għall-immigrazzjoni Avramopoulos u mill-eks Prim Ministru Malti Lawrence Gonzi li ddeskriva l-Mediterran bħala ċimiterju.
Gonzi qal li l-immigrazzjoni irregolari hija sfida għall-Ewropa kollha. Pożizzjoni komuni Ewropa dwar l-immigrazzjoni mistennija li titħabbar matul ix-xahar id-dieħel.