“L-immigrazzjoni teħtieġ azzjoni kollettiva” – Ministru Vella

“L-immigrazzjoni ma tistax tissolva minn stati individwali imma tirrikjedi soluzzjonijiet kondiviżi.”
Dan qalu l-Ministru għall-Affarijiet Barranin f'intervent waqt laqgħa dwar l-immigrazzjoni fuq stedina taċ-Ċentru Internazzjonali għall-Iżvilupp tal-Politika fuq l-Immigrazzjoni.
Il-Ministru fakkar kif is-soluzzjoni għall-immigrazzjoni dejjem kienet fil-qalba tal-politika Maltija għall-Affarijiet Barranin minn meta beda l-influss tal-immigranti lura fl-2003.
Huwa saħaq li l-immigrazzjoni teħtieġ azzjoni kollettiva, stateġija fit-tul u miżuri konkreti u li jinftehmu.
Il-Ministru Vella fakkar ukoll fil-Valletta Summit dwar l-Immigrazzjoni u l-Pjan ta’ Azzjoni li ntlaħaq bejn l-Ewropa u l-Afrika.
Kompla jgħid li l-isfida tibqa’ biex il-pjan maqbul ikun implimentat u kien hawn li semma' l-importanza tal-laqgħa li se ssir fi Frar biex tanalizza l-progress li sar wara l-Valletta Summit.
Il-panel kien magħmul ukoll mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Awtraljan,  il-Kummissarju Ewropew għall-Politika tal-Viċinat, is-Segretarju Ġeneali tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u d-Direttur Ġenerali tal-ICMPD.