“L-immigrazzjoni: sfida li trid tinbidel f’opportunità” – Ministru Abela

Ritratt: DOI - Omar Camilleri

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela qal li filwaqt li l-migrazzjoni tal-massa hija sfida għal Malta, hemm bżonn jintlaħaq bilanċ dwar l-iżvilupp soċjali u ekonomiku li ġġib magħha l-istess immigrazzjoni.

Waqt konferenza ta’ livell għoli fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Maqgħuda fi New York, il-Ministru Carmelo Abela qal li l-biża’ mill-migrazzjoni għandha tiġi rikonoxxuta u tittieħed bis-serjetà. Fl-istess waqt argumenta li bħal sfidi oħra, dawn iġibu wkoll opportunitajiet fuq medda twila ta’ żmien.

Kompla jispjega li l-perċezzjoni dwar l-immigrazzjoni trid tkompli tinbidel f’waħda ħolistika. Hawnhekk irrefera għall-mezzi ta’ komunikazzjoni u qal li dawn għandhom rwol kruċjali fit-tiswir tal-opinjoni u l-attitudnijiet tal-pubbliku.

Il-konferenza bit-tema “Nagħtu vuċi lill-evidenza biex tingħeleb perċezzjoni żbaljata dwar l-immigrazzjoni” ġiet organizzata flimkien minn Malta, Franza, it-Tuneżija, il-Kummissjoni Ewropea u ċ-Ċentru Internazzjonali għall-Iżvilupp ta’ Politika dwar l-Immigrazzjoni.

Intant il-Ministru Carmelo Abela indirizza wkoll Forum Afrikan fejn faħħar l-iżvilupp mgħaġġel tal-kontinent Afrikan. Irrefera għas-sħubiji politiċi, ekonomiċi, edukattivi u soċjali li Malta qed tagħmel ma’ diversi pajjiżi Afrikani.

Fl-istess żjara, il-Ministru Abela iltaqa’ mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta’ Monako, fejn ġie iffirmat ftehim dwar it-taxxa doppja ma’ dan il-pajjiż.