L-immigrazzjoni fost il-prijoritajiet tat-Trio tal-Presidenza tal-UE

Il-Mediterran, l-immigrazzjoni u l-affarijiet marittimi huma fost il-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija tal-UE s-sena li ġejja hekk kif l-immigrazzjoni u t-talbiet għall-kenn mistennija jibqgħu temi jaħarqu.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza Ewropea, Ian Borg, qal dan waqt diskussjoni pubblika, organizzata mill-MEUSAC, bis-sehem tal-Olanda u s-Slovakkja, li ma’ Malta jiffurmaw it-trio ta’ pajjiżi li għandhom il-Presidenza Ewropea f’din is-sena u nofs.
Anke rappreżentant tal-Gvern Olandiż irreferiet għall-immigrazzjoni, għall-isfidi li qed iġib miegħu l-influss ta’ daqstant nies li qed jaħarbu minn ripressjoni u gwerer, u t-theddida tat-terroriżmu.
Irrimarkat ukoll dwar il-ħidma li fuqha ħadmu t-tliet pajjiżi fl-aħħar żmien, fosthom fl-oqsma tal-ugwaljanza tas-sessi, l-ambjent u l-politika ekonomika u monetarja.
Fl-attività ħadet sehem ukoll il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Helena Dalli, li tkellmet dwar ir-rwol tal-MEUSAC.
Ritratt: DOI – Reuben Piscopo