L-immigrazzjoni fil-qofol tat-taħditiet bejn il-PM Malti u Libjan

DOI - Pierre Sammut

Il-Prim Ministru Joseph Muscat dalgħodu laqa’ f’Kastilja lill-Prim Ministru Libjan Fayez al-Sarraj,  fejn fost l-oħrajn iddiskutew il-problema tal-immigrazzjoni, anke fid-dawl tad-49 immigrant li issa ilhom 19-il ġurnata bejn sema u ilma ftit biss ‘il bogħod mill-kosta Maltija.

Il-Gvern jintervjeni biss “f’emerġenza”; jibqgħu bejn sema u ilma

Fil-bidu tal-laqgħa, Dr Muscat qal li din il-laqgħa għandha sservi ta’ opportunità biex hu u l-Prim Ministru Libjan jiddiskutu problemi komuni li qed jolqtu ż-żewġ pajjiżi, fosthom l-immigrazzjoni.

Filwaqt li Muscat qal li jrid jesplora kif il-kwistjoni tiġi indirizzata mill-aspett umanitarju u dak ta’ sigurtà, al-Sarraj stqarr li huwa lest li jinstabu s-soluzzjonijiet. Żied jgħid li dwar din il-problema diġà saru kisbiet.

Il-Prim Ministru Libjan ġie Malta għal taħditiet mal-Prim Ministru Malti.  Din hija l-ewwel laqgħa bejn iż-żewġ mexxejja wara l-konferenza dwar il-Libja li saret f’Palermo mill-Gvern Taljan f’Novembru li għadda.

It-taħditiet huma mistennija li jiffukaw fuq is-sitwazzjoni instabbli tal-Libja, ir-riżultati tal-konferenza ta’ Palermo, is-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni u relazzjonijiet bilaterali.

Dr Muscat kien akkumpanjat mid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Ministri Michael Farrugia, Chris Cardona, Konrad, Mizzi u Carmelo Abela.