L-immigrazzjoni diskussa mill-Viċi President tal-Parlament Ewropew mal-Prim Ministru

Il-problema tal-immigrazzjoni irregolari ġiet diskussa waqt laqgħa li l-Viċi President tal-Parlament Ewropew Gianni Pittella kellu mal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Pittella enfasizza l-importanza li l-pajjiżi tal-Mediterran jiġbdu ħabel wieħed biex tiġi riżolta l-kwistjoni.
“Li l-Ewropa tkun solidali ma' Malta huwa kruċjali għall-proġett Ewropew” sostna Pittella.
Żied jgħid li l-Unjoni Ewropea għandha turi solidarjetà ma’ dawk il-membri stati, fosthom ma’ Malta, li waħedhom qed ikollhom jerfgħu l-piż ta’ din il-problema Ewropea.
Waqt il-laqgħa mal-Prim Ministru, il-Viċi President irringrazzja lil Joseph Cuschieri, li bħala Kap tad-delegazzjoni Laburista baqa’ jaħdem fl-interess ta’ Malta b’determinazzjoni, anke meta kien kważi waħdu jirrappreżenta lil Malta minħabba li l-Ewroparlamentari l-oħra Maltin kienu impenjati bl-elezzjoni lokali.
Laqgħa oħra tal-Viċi President tal-Parlament Ewropew kienet mal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fejn ġie diskuss l-ewroxettiċiżmu u l-programm ta’ ċittadinanza b’investiment.
Fiż-żjara tiegħu f’Malta, Pittella ltaqa’ wkoll mal-Ispeaker Anġlu Farrugia.