Xi wħud mill-immigranti tar-razzett se nibagħtuhom lura l-Italja – il-PM

REUTERS/Darrin Zammit Lupi

Il-Prim Ministru qal li wħud mill-immigranti li nstabu jgħixu f’razzett tal-baqar f’Ħal Qormi dil-ġimgħa, li kienu ġejjin mill-Italja, se jintbagħtu lura l-Italja. Fl-istess intervista, tkellem fuq is-sitwazzjoni tal-pontijiet f’Malta.

Dr Muscat, waqt intervista fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista, spjega kif ħafna minn dawn l-immigranti ppruvaw isibu xortihom fl-Italja, iżda ma rnexxilhomx, u għalhekk bdew triqthom lejn Malta. Fil-każ li dawn l-immigranti nstabu bid-dokument Taljan li jippermettilhom jivvjaġġaw bih, iżda mhux jaħdmu bih f’pajjiżi oħra, dawn se jintbagħtu lura l-Italja.

“Għandna mmorru għalihom u nġibuhom mill-Ewropa”

Muscat żied jgħid li fil-każ tal-emigranti li jitilqu pajjiżhom għax jekk jibqgħu hemm, jispiċċaw imutu, dawn jeħtieġ li mhux talli naċċettawhom f’Malta, imma mmorru għalihom biex insalvawhom. B’hekk jinħolqu l-“kurituri umanitarji.”

Madankollu, fil-każ tal-immigranti tal-Aquarius, Muscat spjega kif il-ftehim mal-President Franċiż Emmanuel Macron kien li Malta taċċettahom, iżda ma żżomm l-ebda minnhom. Għalhekk, il-141 immigrant salvat kollha ġew trasportati lejn Franza, il-Ġermanja, Spanja, il-Portugall u l-Lussemburgu.

Barra minn hekk, Malta aċċettat ukoll lil 114-il immigrant ieħor fl-istess ġurnata, għax jekk ma jaċċettahomx, “ma nkunx Soċjalista,” “Laburista,” jew “uman,” qal il-Prim Ministru.

Filwaqt li l-Aquarius tħalla jitlaq, 2 bastimenti li kienu qed jinżammu Malta tħallew hawnhekk minħabba l-każijiet li għandhom għaddejjin il-Qorti fil-każ ta’ Lifeline, u minħabba d-dubji fid-dettalji ta’ reġistrazzjoni fil-każ ta’ Lifeline u Seawatch, spjega Joseph Muscat.

L-Aquarius telaq minn Malta u mar Marsilja.

Il-pont tal-Mistra kien “wasal fl-aħħar”

Il-Prim Ministru qal kif il-Maltin jissimpatizzaw mat-Taljani wara l-inċident tal-pont ta’ Ġenova. Kompla jgħid li ddiskuta s-sitwazzjoni tal-pontijiet mal-Ministru tal-Infrastruttura Ian Borg, u semma kif il-pont tal-Mistra s-sena l-oħra laħqu rranġawh bl-eżatt, għaliex kien wasal fl-aħħar, u sarlu xogħol ta’ emerġenza.

Huwa semma wkoll pont f’Ħal Qormi li se jsirlu xi xogħol wara li l-Membru Parlamentari Rosianne Cutajar ikkummentat fuq il-qagħda kritika tiegħu.