Aġġornata: Ritratti: Se jiddaħħlu Malta l-immigranti tal-Alan Kurdi

Nick Jaussi / Sea-Eye

Read in English.

Il-ħames immigranti li fadal fuq il-bastiment tal-Alan Kurdi se jiddaħħlu Malta. Dan ġie kkonfermat fi stqarrija mill-Gvern.

L-immigranti se jkunu rilokati għal żewġ Stati Membri Ewropej oħrajn. Madanakollu l-Gvern ma kkonfermax liema se jkunu dawn. Malta qablet li tkun parti mis-soluzzjoni Ewropea sabiex issolvi l-imblokk billi tiżbarka l-immigranti. Dan wara li l-NGO Sea-Eye, li topera l-bastiment, waqqgħet il-protest ġudizzjarju li fetħet aktar kmieni kontra Malta.

Aqra: Jiddaħħlu Malta 3 immigranti oħra mill-Alan Kurdi

Il-Gvern qal li Malta tibqa’ kommessa li tipparteċipa f’soluzzjonijiet Ewropej għal bilanċ bejn is-solidarjetà u r-responsabbilità.

Il-Kap tal-Missjoni Jan Ribbeck qal li ħadu r-ruħ meta semgħu li l-11 il-persuna salvati kienu se jkunu siguri. Però qal li huwa tad-dwejjaq li l-inżul tal-immigranti f’Malta kien possibli biss minħabba negozjar iebes mal-awtoritajiet Maltin. Qal li Malta qed tibża’ mill-verità u li sfurzat lill-għaqda biex tirtira l-appell tagħha. Qal li fl-appell iddeskrivew f’dettall kbir il-ħidma tas-salvataġġ.

Ribbeck qal li din l-attitudni ta’ rikatt minn Malta mhix l-attitudni ta’ stat kostituzzjonali. Qal ukoll li huwa skandaluż kif għall-awtoritajiet Maltin, dgħajsa li kienet qed tgħereq kienet sempliċiment f’”transit”.

Aqra: “Attentat ta’ suwiċidju ieħor; Malta se terfa’ r-responsabbiltà?” – Sea-Eye

Il-ħidma tal-Alan Kurdi bdiet fil-31 ta’ Awwissu fejn kienu ġew salvati 13-il persuna mill-għarqa. Wara l-ħidma ta’ salvataġġ, il-bastiment għamel kuntatt mal-awtoritajiet marittimi relevanti, inkluż dak Malti. Minkejja dan huma tħallew bejn sema u ilma.

Aqra: 2 immigranti jiddaħħlu Malta minħabba bżonn ta’ assistenza medika

Kmieni lbieraħ filgħodu ddaħħlu Malta tliet immigranti oħrajn minn fuq il-bastiment Alan Kurdi wara aktar attentati suwiċidji. Dan wara li żewġ immigranti ddaħħlu Malta fil-5 ta’ Settembru minħabba li bdew jikkunsidraw li jikkommettu suwiċidju. Intant, tliet persuni oħrajn ġew evakwati minħabba l-istess raġuni s-Sibt.

Aqra: “Għaddew is-sigħat u għadna bla risposta”