L-immigranti m’għandhom l-ebda tort fiż-żieda tal-każi – Il-MAM tikkritika l-PM

Aġġornat 03:35 PM
Wasla Immigranti l-Isla
Sarah Cassar Dymond

Read in English.

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) kkritikat lill-Prim Ministru Robert Abela u nsistiet li l-immigranti salvati mill-għarqa m’gaħndhom l-ebda tort fiż-żieda tal-każi tal-coronavirus fil-komunità.

Propju lbieraħ, Il-Prim Ministru Robert Abela kien kritiku taż-żieda tal-istatistika tal-każi ta’ COVID-19 fost l-immigranti li qed jiżdiedu mat-total ta’ każi f’Malta fiċ-ċifra ta’ kuljum. Abela qal li l-immigranti li jinstabu pożittiv għall-virus huma “f’iżolament f’postijiet imsakkrin”. Abela qal dan waqt li kien qed jiġi intervistat fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista. L-intervista saret mill-preżentatur Karl Stagno Navarra.

Il-MAM irrimarkat li tinsab diżappuntata bid-diskors tal-PM. Qalet li mhux ġust li l-Gvern qed jipprova jgħatti l-iżbalji tiegħu billi jweħħel fl-immigranti. Insistiet li l-Gvern ippermetta avvenimenti tal-massa, minkejja li l-appell espert tas-Superintendent tas-Saħħa Pubblika kien li dawn ma jsirux. L-immigranti li nstabu pożittivi tpoġġew immedjatament fi kwarantina.

Il-MAM kompliet billi bagħtet grafika li wara li tneħħi l-għadd ta’ immigranti pożittivi fil-pajjiż wara li ġew salvati mill-għarqa, turi ċarament li kien hemm żieda drastika fil-każi fil-pajjiż.

It-tort huwa tal-Gvern – Repubblika

L-għaqda Repubblika kkritikat id-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela tal-bieraħ u sostniet li l-immigranti li ddaħħlu pożittivi m’għandhom xejn x’jaqsmu mal-firxa tal-coronavirus fil-komunità.

Repubblika qalet li tinsab inkwetata dwar dak li qal Abela. Insistiet li fil-maġġoranza tal-jiem, iż-żieda ta’ persuni li ħarġu pożittivi kienet ġeneralment minħabba persuni li ltaqgħu mal-virus fil-komunità. Minn persuni li kienu qed iduru fil-komunità b’mod liberu. Insistiet li l-immigranti salvati mill-baħar mhux ħielsa li jduru fil-komunità u b’hekk jimponu riskju żgħir ħafna ta’ trażmissjoni.

L-għaqda nsistiet kif filwaqt li l-figuri globali tal-każi tal-coronavirus fil-pajjiż jinkludu dawk tal-immigranti salvati fuq il-baħar, dawn immedjatament kienu iżolati u ma kkontribwewx għall-firxa tal-virus lokalment. Insistiet li meta l-PM jitfa’ t-tort fuqhom ikun qed jirriskja li jqum preġudizzju razzjali.

Kompliet tgħid kif l-ebda minn dawn l-immigranti ma kienu l-festa ta’ Santa Venera, il-party fil-lukanda Radisson u fl-istabbilimenti f’Paceville. Dan ifisser li l-firxa lokali m’għandha xejn x’taqsam mal-immigranti salvati fuq il-baħar. Repubblika qalet li l-firxa lokali hija biss riżultat tal-ftuħ mill-ġdid tal-ivvjaġġar, partikolarment minn pajjiżi bħar-Renju Unit, Franza u Spanja. Qalet li hija wkoll riżultat tal-permess li ngħata li jsiru avvenimenti tal-massa.

Repubblika qalet li b’riżultat ta’ dawn il-policies, il-gvern tilef il-kontroll tas-sitwazzjoni. Insistiet li biex il-pajjiż jerġa’ jiġi fuq saqajh, il-Gvern irid idaħħal restrizzjonijiet oħrajn li jistgħu jħallu effett devastanti fuq l-ekonomija, l-edukazzjoni u l-għixien tal-poplu. Qalet li dan kollu seta’ ġie evitat.

“Id-dikjarazzjoni tal-PM turi n-nuqqas ta’ rispett għall-imsieħba soċjali” – Kamra tal-Ispiżjara

Il-Kamra tal-Ispiżjara ta’ Malta sostniet li d-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru turi n-nuqqas ta’ rispett tiegħu lejn ċertu msieħba soċjali u djalogu soċjali. Qalet li turi wkoll nuqqas ta’ rispett lejn organizzazzjonijiet professjonali fil-pajjiż li għandhom fi ħdanhom esperti fl-oqsma tas-saħħa.

Il-Kamra kkritikat kemm lill-Prim Ministru, li sostniet qed jippoża ta’ professjonista, kif ukoll lill-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli li qed tgħid li kien hemm affarijiet li forsi ma messhomx li għamlu u fl-istess waqt “qed tilgħab bil-ħajjiet ta’ popolazzjoni”. Il-Kamra talbet sabiex dawk kollha kkonċernati jiffukaw fuq is-saħħa fil-preżent u jilħqu ftehim kredibbli mal-MAM. Qalet li dan sabiex jidher li n-nazzjon qed jiġbed ħabel wieħed u jreġġa’ l-pajjiż lura lejn perjodu mingħajr każi ġodda kif kien hawn ġimgħatejn ilu.