​“L-immigranti ma jridux jiġu Malta jew hemm xi ftehim mal-Italja?”

Żewġ pubblikazzjonijiet internazzjonali – Business Insider u Oilprice.com – qed jistaqsu f’rapporti onlajn jekk hemmx xi ftehim bejn Malta u l-Italja fil-qasam tal-immigrazzjoni irregolari, jew inkella jekk dawn l-immigranti m’humiex qed jagħżlu huma li ma jiġux Malta.
Dawn ir-rapporti jikkwotaw ċifri ta’ immigrazzjoni u jsemmu kif mill-2015, minn 142,000 immigrant li ħarbu minn pajjiżhom, 100 biss waslu Malta.
Intqal li din hija sitwazzjoni stramba meta wieħed jikkunsidra l-mewġa kbira ta’ immigranti li wasslet għal kriżi Ewropea. Isemmu kif Malta hija l-eqreb stat Ewropew għal-Libja.
Jingħataw ukoll ċifri li jqabblu kemm waslu immigranti f’Malta u fl-Italja fl-2013 fejn f’Malta waslu ftit iktar minn 2,000 filwaqt li fl-istess żmien, fl-Italja niżlu 150,000 refuġjat.
Dawn il-publikazzjonijiet qed isostnu li din id-differenza tindika li jew hemm xi tip ta’ ftehim bejn iż-żewġ pajjiż, jew inkella l-immigranti ma kellhom l-ebda xewqa li jiġu Malta.
Il-Gvern Malti permezz tal-Ministru għall-Intern Carmelo Abela diġà ċaħad li hemm xi tip ta’ ftehim mal-Italja dwar l-immigranti irregolari.
Madankollu qal li hemm kollaborazzjoni mill-qrib bejn iż-żewġ pajjiżi.
Intant dalgħodu tal-inqas ħames persuni, fosthom 4 nisa u tifel għerqu wara li d-dgħajsa li kienu fuqha nqalbet fil-gżira Griega ta’ Samo.
Ritratt: MOAS