L-immigranti jmutu; il-politiċi jiddiskutu – il-Vatikan

Immigranti jirrifjutaw għajnuna Malta dgħajsa
Arkivji

L-Unjoni Ewropea ddegradat lilha nfisha għal intenzjonijiet tajbin li ma jiġux applikati, kiteb il-viċi editur tal-gazzetta tal-Vatikan Giuseppe Fiorentino.

Huwa kien qed jikkummenta fuq ir-riżultati li ħarġu mis-summit bejn il-kapijiet ta’ stati Ewropej li sar fit-28 u fid-29 ta’ Ġunju fi Brussell. Fiorentino nnota li waqt li kien għaddej is-summit, 100 immigrant, fosthom 3 itrabi, mietu mal-kosta Libjana.

Skont Fiorentino, il-ftehim li ntlaħaq fis-summit hu “kompromess fraġli” li ta dehra tajba lil ħafna mexxejja Ewropej talli ma ħarġu b’xejn ta’ sustanza.

Fis-summit, il-mexxejja tal-UE qablu li jwaqqfu aktar ċentri li jilqgħu lill-immigranti f’pajjiżi differenti li għadhom mhumiex magħrufa, u dawn iċ-ċentri se joperaw fuq bażi volontarja biss.

L-għan ewlieni tal-UE issa, qal Fiorentino, hu li tassigura futur għal terminu ta’ żmien qasir mingħajr tattiċi strateġiċi filwaqt li t-tbatija tal-immigranti tiġi injorata.