“L-immigranti jiġu ttestjati bħal dawk ġejjin mill-Amerika u l-Indja”

Read in English.

Il-Kap tat-Taqsima tal-Infezzjonijiet fl-Isptar Mater Dei, Dr Tanya Melillo qalet li l-immigranti li qed jiddaħħlu Malta qed jiġu ttestjati għall-coronavirus għax ġejjin mil-Libja, li huwa pajjiż ta’ riskju għoli. Spjegat li dan bl-istess mod li jsir swab test fuq dawk li jaslu Malta mill-Indja u l-Amerika, li wkoll għandhom riskju għoli.

Waqt Newsbook Q&A, Dr Melillo żiedet tispjega li dawk li jmorru f’pajjiżi fejn ir-riskju hu baxx ma jkunx hemm bżonn li jiġu ttestjati jew li jagħmlu kwarantina.

Fost il-215-il każ attiv ta’ coronavirus, 88 huma immigranti rregolari li ddaħħlu Malta wara li ġew salvati bejn sema u ilma. Il-127 każ ieħor ġejjin minn diversi clusters, prinċipalment minn party li sar f’lukanda f’San Ġiljan, mill-festa ta’ Santa Venera u minn Paceville. Numru żgħir ieħor ġew impurtati.

“Prinċipalment mill-immigranti mhux mill-party” – Robert Abela

Ilbieraħ il-Prim Ministru Robert Abela qal li Malta qed tikkontrolla s-sitwazzjoni tal-coronavirus b’mod tajjeb. Xejjen il-possibilità li l-każi pożittivi tal-Covid-19 bdew telgħin wara li sar party f’lukanda. Stqarr li “n-numri prinċipalment telgħu minħabba li aħna salvajna l-immigranti. Kważi nofs il-każi huma immigranti, li jinsabu f’iżolament, f’postijiet imsakkrin, u li mhux se jiġu f’kuntatt mal-bqija tal-komunità”.

L-istqarrija tal-Prim Ministru qanqlet kritika kemm mill-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) u mill-NGO Repubblika, li qalu li l-immigranti m’għandhom l-ebda tort fiż-żieda tal-każi u li t-tort huwa tal-Gvern.

Fl-istess intervista fl-aħħar jiem, Dr Melillo saħqet li min jidħol mill-ajruport jew mill-portijiet xorta daħal Malta, u li għaldaqstant l-immigranti jaqgħu taħt każi impurtati.

X’miżuri qed jittieħdu mill-ajruport f’Malta?

Kelliema għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta spjegat ma’ Newsbook.com.mt id-diversi proċeduri u miżuri li hemm fl-ajruport. Dawn jinkludu:

  • Skrining termiku (thermal screening) lil passiġġieri li jaslu f’Malta jew ikunu se jitilqu minn Malta. Dan isir b’kameras apposta mmonitorjati minn professjonisti tas-saħħa. Persuni li t-temperatura tagħhom taqbeż is-37.2°C jitwaqqfu mill-istess professjonisti.
  • Persuni li jkunu deħlin f’Malta għandhom jimlew u jissottomettu żewġ formoli biex ikunu jistgħu jiġu kkuntattjati faċilment jekk ikun hemm każ ta’ Covid-19 fuq l-istess titjira. Il-formuli huma dawn.
  • Ġew installati aktar minn 120 hand sanitising station madwar l-ajruport.
  • Twaħħlu tabelli li jfakkru lill-passiġġieri jżommu distanzi xierqa
  • Riorganizzazzjoni tal-vjaġġ mill-ajruport, biex passiġġieri u viżitaturi kemm jista’ jkun ma jiltaqgħux.

Tista’ tara l-miżuri kollha li qed jieħu l-ajruport hawn.