L-immigranti jibqgħu bejn sema u ilma; Malta tgħid ‘le’

L-awtoritajiet Maltin irrifjutaw li jagħtu port sigur fejn jistgħu jitniżżlu 121 persuna salvati mill-bastiment tat-tfittxija u salvataġġ Open Arms tal-għaqda Spanjola Proactiva Open Arms. Fost dawk abbord il-bastiment hemm żewġt itfal u tewmin ta’ disa’ xhur.

AQRA: 2 nisa tqal u 2 itrabi fost il-124 persuna salvati mill-Open Arms

Kelliema għall-għaqda Proactiva Open Arms stqarret ma’ Newsbook.com.mt li l-awtoritajiet Maltin qalulhom le. Spjegat li għaldaqstant il-bastiment qed jistenna iktar struzzjonijiet. Kemm l-Italja u Malta rrifjutaw jħallu lill-bastiment jidħol biex b’hekk jitniżżlu l-immigranti.

Sors qrib il-Kummissjoni Ewropea qal li f’dan l-istadju l-Kummissjoni Ewropea għadha ma rċivietx talba biex tikkordina l-iżbark tal-persuni li ġew salvati minn Open Arms. Għaldaqstant il-Kummissjoni għadha ma bdietx tikkordina l-iżbark.

Matul l-aħħar sena kien hemm diversi drabi fejn kien hemm ftehim milħuqa ad hoc bejn stati membri biex l-immigranti li jiġu salvati u jiddaħħlu f’stat membru, jiġu rilokati lejn pajjiżi oħra fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

L-ekwipaġġ ta’ Open Arms salva 53 persuna u żewġ trabi minn fuq dgħajsa żgħira l-Ħamis, iktar tard matul illejl tal-Ħamis ġew salvati 69 immigrant ieħor. Is-Sibt li għadda żewġ nisa bi tqala avvanzata ġew evakwati minn fuq il-bastiment.

Fost dawk abbord hemm 32 minuri li minnhom hemm 27 qed jivvjaġġaw waħidhom.

Il-Ħadd filgħodu ddaħħlu Malta 40 immigrant li ġew salvati mill-bastiment tal-għaqda Ġermaniża Sea-Eye. Huma ddaħħlu wara talba li saret mill-Gvern Ġermaniż lill-Gvern Malti. L-immigranti minn Alan Kurdi se jintbgħatu f’pajjiżi oħra Ewropej.

Intant Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lill-Gvern dwar is-sitwazzjoni, iżda sal-ħin li nkiteb dan l-artiklu dawn għadhom ma ġewx imwieġba.