“L-immigranti huma nies mhux numri”

Ian Noel Pace

Read in English.

“L-immigranti huma nies mhux numri” hekk fakkar dak li qal il-Papa Franġisku, id-Deputat Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Angelo Becciu. Huwa kien qed jgħati kummenti lill-Aġenzija tal-Aħbarijiet ANSA. Becciu saħaq li huwa inaċċettabli li l-politika ssir għall-ispejjeż ta’ ħajjiet tal-immigranti.

Becciu qal li hemm bżonn ta’ iktar klarifikazzjoni fuq is-suġġett u sostna li r-responsabbilità għandha tkun fuq l-Unjoni Ewropea kollha u mhux biss dawk l-iktar esposti bħal Greċja u l-Italja.

Huwa rrefera wkoll għall-pożizzjoni drastika li ħa l-Gvern Taljan dwar l-immigranti u l-bastimenti tas-salvataġġ tal-għaqdiet mhux governattivi. Dal-aħħar il-Gvern Taljan ma ħalliex lil dawn il-bastiment jidħlu fil-portijiet Taljani u ġiegħel lill-pajjiżi oħra jaċċettawhom.

Becciu filwaqt li għaraf li forsi mhux daqstant popolari li tiddefendi nies marġinalizzati fis-soċjetà fi kliemu la l-Papa u lanqas il-Knisja ma jistgħu jfallu fil-missjoni tagħhom.