“L-immigranti huma l-Ġisem ta’ Kristu” – Papa Franġisku

Il-Papa Franġisku llum żar iċ-ċentru Astalli f’Ruma immexxi mis-Servizz tal-Ġiżwiti mar-Refuġjati (JRS) fejn hemm immigranti li telqu minn pajjiżhom minħabba gwerra, vjolenza u tortura.

Fil-messaġġ tiegħu, il-Papa qal li l-kunventi vojta mhumiex hemm biex il-knisja tibdilhom f’lukandi u taqla’ l-flus. Żied jgħid li l-immigranti huma l-ġisem ta’ Kristu.

Spjega li l-kelma ‘sservi’ tfisser li naċċettaw lil kwalunkwe persuna b’imħabba, mingħajr l-ebda kalkoli, bla biża’ u b’sensittività, bħalma Ġesù tbaxxa biex jaħsel saqajn l-appostli.

Il-Papa Franġisku wasal fiċ-Ċentru Astalli b’karozza Ford Focus blu, mingħajr skorta.

Huwa daħal fil-kafetterija u qagħad ma’ grupp ta’ refuġjati fejn sema’ l-istejjer terribli tagħhom, b’mod partikolari ta’ dawk li telqu mis-Sirja.

Wara mument qasir fil-kappella, u wara li sellem lill-impjegati, hu ltaqa’ ma’ 250 voluntier li qed jaħdmu f’erba’ ċentri mmexxija mill-JRS.

B’kollox fiċ-Ċentru Astalli bħalissa hemm 700 refuġjat ġejjin minn partijiet differenti fid-dinja, fosthom familji Sirjani li kienu mġiegħla jaħarbu mill-pajjiż minħabba s-sitwazzjoni preżenti.