L-immigranti għandhom jintbagħtu pajjiżhom meta ma jingħatawx ażil – Il-Maġistrat Mifsud

Read in English.

Il-Qorti tal-Maġistrati wissiet kontra n-numru dejjem jikber ta’ nies li jinqabdu jivvjaġġaw f’Malta mingħajr id-dokumenti validi, u dan sejħitlu “fenomenu kostanti” li possibbilment ixejjen is-sigurtà tal-istat. Il-Maġistrat Joe Mifsud qal li meta ma jingħatawx ażil, l-immigranti għandhom jintbagħtu lura f’pajjiżhom.

Nhar il-Ħadd intqal dan mill-Maġistrat Joe Mifsud, hu u jisma’ l-każ ta’ immigrant ta’ 28 sena miċ-Chad, li ġie rrifjutat l-ażil f’Malta. Hu ġie arrestat fl-ajruport meta kien se jaqbad titjira għal Pescara b’passaport u permess tar-residenza Taljani mhux f’ismu.

Il-Maġistrat kompla jgħid li wieħed ma jistax jagħlaq għajnejh għall-fatt li qed jinkisru l-liġijiet tal-immigrazzjoni tal-pajjiż, anke fi żmien ta’ kunflitt u terroriżmu f’pajjiżi viċin Malta, peress li immigrazzjoni illegali bħal din tista’ tkun ta’ detriment għal terzi persuni innoċenti. Il-Qorti ħeġġet lill-awtoritajiet tal-immigrazzjoni biex jieħdu azzjoni biex jibagħtu lill-applikanti lura f’pajjiżhom f’każijiet bħal dawn meta ma jingħatawx ażil.

L-akkużat wieġeb ħati għall-akkużi, u minħabba dan, flimkien mal-fatt li kien qed jgħix fit-triq, mingħajr residenza fissa, il-Maġistrat iddeċieda li sentenza ta’ ħabs tkun il-kastig xieraq. Peress li l-ħati kkopera mal-pulizija u għandu kondotta nadifa, huwa se jservi sentenza ta’ 6 xhur ħabs, u mbagħad jintbagħat lura f’pajjiżu.