L-immigranti fuq l-Aquarius għal Malta

Reuters

L-immigranti salvati mill-MV Aquarius se jinġiebu Malta wara diskussjonijiet li saru bejn il-Gvern Franċiż u dak Malti. Dan ġie kkonfermat fi stqarrija tal-Gvern.

L-istqarrija tgħid li 58 persuna abbord l-Aquarius se jiġu trasferiti fuq vapur Malti f’ibħra internazzjonali, imbagħad jinġiebu Malta. Minn hawn l-immigranti se jitqassmu bejn erba’ stati membri oħrajn tal-Unjoni Ewropea. Il-Gvern sostna li l-ħidma se tibda meta din tkun loġistikament possibbli.

Il-Gvern Malti sostna li qed jipparteċipa f’din il-ħidma fuq bażi umanitarja u mingħajr preġudiżżju fuq il-pożizzjoni tiegħu dwar il-ħidmiet tas-salvataġġ fuq il-baħar. Ġie spjegat li minħabba li l-Aquarius m’għadux isalpa bil-bandiera tal-Panama, il-bastiment għandu jmur lura fil-port fejn hu rreġistrat biex jemenda l-pożizzjoni tiegħu.

“Malta wriet solidarjetà” – il-Prim Ministru

F’intervista ma’ midja barranija fi New York it-Tlieta filgħaxija, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-erba’ pajjiżi li se jieħdu lill-immigranti huma Franza, il-Ġermanja, il-Portugall u Spanja.

Huwa sostna li Malta wriet solidarjetà ma’ dawn l-immigranti u kemm hi proattiva, talli la jitjieb it-temp, se tħallihom jiġu Malta, biex imbagħad jibdew triqithom lejn il-pajjiżi l-oħra.

Peress li issa m’għandux bandiera, il-vapur se jerġa’ lura Franza u l-awtoritajiet Franċiżi għandhom ir-responsabbiltà li jieħdu l-passi meħtieġa.