L-immigranti abbord MV Marina se jitniżżlu fi Sqallija

Sea-Watch

Read in English.

L-immigranti abbord il-bastiment MV Marina se jitniżżlu fi Sqallija. Hekk ħabbret l-għaqda Alarm Phone li fuq Twitter qalet li 78 persuna se jkunu qed jitniżżlu fi Sqallija wara ħamest ijiem fuq il-bastiment. L-istess għaqda qalet li huwa ta’ soljev għalihom li wara li ġew salvati mill-bastiment issa se jkunu jistgħu jinżlu l-art. Dan sar wara appell mill-għaqda biex il-Gvernijiet tal-Italja u Malta jħallu lill-immigranti jidħlu f’dawn il-pajjiżi.

Fir-ritratt jidhru l-membri tal-ekwipaġġ tal-MV Marina li sal-bieraħ kienu qed iħossuhom għajjiena hekk kif l-ikel kien wasal biex jispiċċa.

L-għaqda Sea-Watch International kienet ukoll kitbet fuq Twitter li dawk abbord il-vapur ma jifilħux jissapportu wisq aktar. L-Erbgħa kienet inqalgħet ġlieda bis-skieken wara li saħnet il-qiegħa minħabba l-pressjoni li jinsabu fiha. Il-membri tal-ekwipaġġ ma kienux imħarrġin biex jieħdu ħsieb dawk in-nies kollha, u l-provvisti kulma jmur qegħdin jonqsu.