L-immigrant Kristu ieħor – Il-Papa

REUTERS

Il-Papa Franġisku, fil-messaġġ tiegħu fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għall-Immigranti u r-Refuġjati qabbel lil dawn il-persuni ma’ Kristu li wkoll għex f’familja li kellha taħrab minn pajjiżha. Il-Papa wassal messaġġ ċar mibni fuq kliem kollha jibdew bl-ittra ‘n’ bħal ‘neħtieġu’, ‘nilqgħu’, ‘nipproteġu’, ‘nippromwovu’,  ‘nintegraw’ u ‘nifhmu’.

Għalkemm il-Jum Dinji għall-Immigranti u r-Refuġjati, jiġi ċċelebrat fis-27 ta’ Settembru 2020, il-Papa Franġisku dejjem joħroġ il-messaġġ tiegħu xi xhur qabel. Huwa wassal il-messaġġ tiegħu bit-tema “Bħal Ġesù Kristu, imġiegħla jaħarbu. Nilqgħu, nipproteġu, nippromwovu u nintegraw lil dawn il-persuni.”

Il-messaġġ tal-Papa hu indirizzat b’mod partikolari lejn dawk li minħabba “ġuħ, gwerer u perikli oħra gravi jkollhom jfittxu sigurtà u ħajja dinjituża għalihom infushom u għall-familji tagħhom.” Il-Papa qabbel l-esperjenza ta’ dawn in-nies ma’ dik tal-familja ta’ Ġesù, li ċ-ċirkostanzi jwassluhom biex jaħarbu biex isalvaw irwieħhom.

Sitt atitudnijiet

Il-Papa Franġisku kkwota minn omelija li għamel aktar minn sena ilu (15 ta’ Frar 2019) u stqarr b’mod ċar li dawn l-immigranti joffrulna l-opportunità biex niltaqgħu ma’ Ġesù “anke jekk għajnejna jsibuha diffiċli biex jagħrfuh: bi ħwejjeġ imqattgħa, saqajn maħmuġin, wiċċ sfigurat, ġismu mgħawweġ, u inkapaċi li jitkellem il-lingwa tagħna.”

Filwaqt li reġa’ tenna dak li qal fil-messaġġ tal-2018, li wieħed jeħtieġ jilqa’, jipproteġi, jippromwovi u jintegra, fil-messaġġ ta’ din is-sena offra sitt atitudnijiet li bihom għandna nħarsu lejn dawn il-persuni umani bħalna, kemm b’mod individwali kif ukoll bħala soċjetà.

  • Agħraf u ifhem

Li tagħraf ir-realtà li minnha jkunu ġejjin dawn il-persuni tgħinek biex tifhimhom aħjar.

“Din mhix biss kwistjoni ta’ numri” jgħid il-Papa “imma fuq kollox qed nitkellmu fuq persuni! Li wieħed ikun jaf l-istejjer tagħhom tgħinna nifhmuhom. Tgħinna nifhmu li s-sofferenza tal-pandemija li qed ngħixu f’dawn iż-żminijiet, għalihom hi kostanti.”

  • Ersaq viċin biex isservi

Fuq l-eżempju tas-Samaritan it-tajjeb irridu negħlbu l-preġudizzji u l-biżgħat. Il-Papa Frangisku jsostni li dawn “ibegħduna u ma jħalluniex nuru mħabba. Li tersaq viċin ifisser li tieħu xi riskju, kif għallmuna ħafna tobba u infermiera f’dawn l-aħħar xhur.”

“Dan mhux biss b’sens ta’ dover” jgħid il-Papa, “imma bħal Ġesù li ħasel saqajn id-dixxipli, neża’, niżel għarkopptejh u ħammeġ idu” b’sens ta’ mħabba.

  • Rikonċiljazzjoni permezz tas-smigħ

“Illum qed jimmultiplikaw il-messaġġi, però qed nitilfu l-kapaċità li nisimgħu. Hu biss bi smigħ umli u attent li nistgħu nirrikonċiljaw verament.” Matul din is-sena konna xhieda tas-silenzju madwarna, silenzju drammatiku li tana l-opportunità li nisimgħu l-għajta tal-vulnerabbli u tal-pjaneta gravement marid.”

  • Biex nikbru rridu naqsmu mal-oħrajn

Din tista’ tmur kontra l-loġika ta’ wħud li jrekknu għalihom infushom. “Alla ma riedx li r-riżorsi tal-pjaneta jitgawdew mill-ftit.” Il-Papa Franġisku jsostni li “jeħtieġ nitgħallmu naqsmu biex nikbru flimkien, mingħajr ma nħallu barra lil ħadd. Din il-pandemija” kompla l-Papa, “fakkritna kif kollha kemm aħna qegħdin fuq l-istess dgħajsa.”

  • Involvi

“Ħafna drabi l-ħeġġa biex ngħinu lill-oħrajn twaqqafna milli nilmħu l-kapaċitajiet tal-oħrajn. Biex ngħinu verament lill-oħrajn, irridu ninvolvuhom biex ikunu l-protagonisti tal-qawmien tagħhom mill-miżerja.” Dan kien il-mod kif il-Papa Franġisku għen lill-mara Samaritana. Din il-pandemija fakkritna kif kollha niddependu minn xulxin. “Hemm bżonn li jkollna l-kuraġġ li niftħu spazji li joffru ospitalità, fraternità u solidarjetà fejn kulħadd jista’ jħossu milqugħ”

  • Ikkollabora biex tibni

“Bħala nsara li rridu nibnu s-Saltna ta’ Alla, jeħtieġ li nikkollaboraw u mhux ninġarru mill-għira, ġlied u firdiet… mhux iż-żmien tal-egoiżmu għaliex l-isfidi li qed naffrontaw huma komuni u ma jagħmlux distinzjonijiet. Biex nibnu d-dar komuni u sabiex din tkun tixbaħ il-proġett li Alla ried mill-bidu għandna bżonn ninpenjaw ruħna biex niggarantixxu l-kooperazzjoni internazzjonali, is-solidarjetà globali u l-impenn lokali, mingħajr ma nħallu barra lil ħadd” temm jgħid il-Papa.