L-immigranti jagħtu kontribut għal żvilupp sostenibbli

F’konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-immigranti, Fr. Michael Czerny, rappreżentant tal-Vatikan fl-Uffiċċju tal-Immigranti u r-Refuġjati sostna li hemm rabta bejn l-immigrazzjoni u l-iżvilupp, u l-kontribut li dawn jagħtu billi jgħinu l-komunitajiet li jgħixu fihom u lid-dinja b’mod ġenerali biex ikun hemm żvilupp sostenibbli.
Sfortunatament, ir-rabtiet bejn l-immigrazzjoni u l-iżvilupp, jidhru l-ewwel u qabel kollox fl-assenza jew it-tkissir tal-pilastri tal-iżvilupp sostenibbli li wasslu lil miljuni ta’ persuni jfittxu futur aħjar 'l hinn pajjiżhom minħabba l-faqar, ġuħ, vjolenza, xogħol inadegwat, taħsir ambjentali, nixfa, istituzzjonijiet dgħajfa jew korrotti u oqsma oħra.
Czermy qal li wieħed irid jitlaq mill-punt li dawn in-nies għandhom dritt jibqgħu f’art twelidhom u jgħixu b’dinjità fil-paċi u s-sigurtà. Dan għandu jwassal biex il-komunità internazzjonali tiffoka fuq l-obbligazzjoni ewlenija tagħha li tassigura żvilupp uman sostenibbli u integrali lill-popli kollha fil-post tal-oriġini tagħhom u tgħinhom ikunu aġenti attivi tal-iżvilupp tagħhom.
Irridu nagħrfu wkoll il-prezz soċjali, ekonomiku u kulturali li l-emigrazzjoni tista’ tfisser għal pajjiż meta ċ-ċittadini tagħha jkunu kostretti jitilqu flok jibqgħu jgħixu hemm.
Il-faqar u n-nuqqas ta’ prospetti għall-futur ħafna drabi jwasslu lill-aħjar nies jitilqu pajjiżhom ifittxu futur aħjar, fosthom żgħażagħ, nies talent u ħiliet, nies kuraġġjużi. Jirriskjaw ħajjithom fil-Mediterran jew ibħra oħra bit-tama ta’ futur aħjar.
Jekk din it-tama ssirx realta u tagħti riżultat għalihom, għall-familji tagħhom, għall-pajjiż fejn isibu kenn u eventwalment għall-pajjiż tal-oriġini tagħhom, jiddependi, kif qal il-Papa Franġisku, minn kif ikunu milqugħa, xi protezzjoni jingħataw u kif jintegraw.
Ir-rappreżentant tal-Vatikan żied jgħid li biex joħroġ il-ġid, l-immigrant irid ikun milqugħ u trattat bħala bniedem, b’dinjità u b’rispett għad-drittijiet ta’ bniedem li hu u protett minn kull forma ta’ esplojtazzjoni jew milli jitħalla emarġinat soċjalment u ekonomikament b’mod permanenti. Il-komunitajiet li jilqugħom iridu jingħataw għajnuna adegwata biex jintegrawhom bla ma jħallu lura lill-foqra tal-post.
Fl-aħħarnett Fr Czermy fakkar  li l-Papa Franġisku ix-xahar li għadda kien irrefera għall-ħolqa li hemm bejn l-emigrazzjoni u l-iżvilupp meta qal li: “Il-preżenza ta’ tant minn ħutna li jesperjenzaw it-traġedja tal-imigrazzjoni, hi opportunita’ għal żvilupp uman, laqgħa u djalogu bejn il-kulturi  fil-ħidma tagħna biex naħdmu għall-paċi u l-fraternità fost il-popli.