​L-Imħallef Joseph Azzopardi se jkun il-Prim Imħallef il-ġdid

Il-Prim Imħallef il-ġdid se jkun Joseph Azzopardi. 
Il-Gvern ħabbar li se jkun qed jagħti parir lill-President ta’ Malta biex taħtar lill-Imħallef Joseph Azzopardi bħala s-suċċessur tal-Prim Imħallef attwali Dr Silvio Camilleri, wara li dan jirtira. 
Il-Prim Imħallef il-ġdid għandu jibda l-kariga tiegħu b’effett mis-26 ta’ April 2018.
Il-Gvern fi stqarrija qal li żamm lill-Oppożizzjoni kontinwament aġġornata. 
L-Imħallef Azzopardi twieled l-Isla fit-8 ta’ April, 1955 u ngħata l-warrant  ta’ avukat fl-1980.
 Fost il-karigi li kellu, kien l-ewwel President tal-Federazzjoni tal-Għaqdiet taż-Żgħażagħ fl-1980 u serva wkoll bħala direttur tal-Mid Med Bank u tal-Bord tal-Awtorità tad-Djar. Kien elett bħala membru tal-Kamra tal-Avukati fl-1998 u nħatar president tal-istess Kamra fl-2000. 
Huwa nħatar Imħallef tal-Qrati Superjuri fit-23 ta’ Mejju, 2003 u serva fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, fil-Qorti tal-Familja u s-Sekond’ Awla tal-Qorti Ċivili.
Fi Frar tal-2013 inħatar mill-Prim Imħallef biex iservi bħala imħallef fil-Qorti tal-Appell. Ilu mill-2010 membru tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja b’għażla tal-imħallfin stess. 
Huwa miżżewweġ lil Maria née Attard u għandu tifla, Annalies.