“L-imħabba u s-sesswalità: dimensjonijiet nobbli tal-bniedem” – l-Isqof Grech

F’ittra pastorali fl-okkażjoni ta’ Marija Mtellgħa fis-Sema bit-tema “L-Imħabba Sabiħa”, l-Isqof t’Għawdex Mario Grech qal li fil-fond tal-qalb ta’ kull bniedem hemm ix-xewqa għall-hena. 
Jaċċenna għal dak li jsejjaħ bħala “l-Vanġelu tas-Sesswalità”, li jgħid huwa utli ħafna għall-bniedem tal-lum li bla ma jaf, jista’ jkun qed jipperikola li jkompli jitlef xi ħaġa daqshekk profonda u qaddisa bħalma hija s-sesswalità.  
L-Isqof Grech ikompli jgħid li l-bniedem ma jistax jgħix mingħajr imħabba u għandu bżonn ta’ lingwaġġ biex jesprimiha.  Jgħid li wieħed minn dawn il-lingwaġġi huwa s-sesswalità. Jissokta li n-negozju li jsir permezz tal-pornografija, bħalma huma s-servizzi li jbiegħu s-siti elettroniċi, jagħmel parodija mill-imħabba.  Jgħid li r-relazzjonijiet sesswali barra minn posthom kif ukoll l-imġiba sesswali perversa huma ħżiena, propju għaliex dawn huma battala mill-imħabba vera.  
Ikompli jispjega dwar l-imħabba responsabbli u jisħaq li aktar ma jkun hemm imħabba awtentika bejn raġel u mara, aktar il-lingwaġġ tas-sesswalità jkun veru.  
Dwar l-imħabba u s-sesswalità, jgħid li dawn huma dimensjonijiet nobbli u sbieħ tal-bniedem għax huma l-espressjoni ta’ aħna min aħna.  
Jgħaddi biex jikkwota studju li sar mid-Dar Ġużeppa Debono, li jindika li ġeneralment imġiba sesswali mħarbta fost l-adolexxenti hija sintomu ta’ nuqqas ta’ mħabba li huma jkollhom. Jirreferi għan-nuqqas ta’ mħabba fil-familja, fl-ambjent skolastiku u fis-soċjetà b’mod ġenerali li qed iwassal biex numru ta’ adolexxenti iħossuhom bla skop fil-ħajja.
Hawnhekk l-Isqof t’Għawdex jitkellem dwar l-impenn ta’ kull Nisrani biex jgħin liż-żgħażagħ jibqgħu jemmnu f’ideali għolja li diġà jgħożżu.  
Isostni li l-Insara għandhom jimpenjaw ruħhom biex l-edukazzjoni sesswali mdawla mill-valuri umani u evanġeliċi ma tkunx biss informazzjoni iżda “formazzjoni” għal imħabba responsabbli
L-Isqof Grech jgħid li llum qed tinħass “emerġenza edukattiva fejn uliedna qed ibatu minn nuqqas ta’ mudelli li jħarsu lejhom sabiex fuqhom ifasslu ħajjithom u li aħna msejħin biex nipproponulhom il-kelma ta’ Kristu dwar l-imħabba u s-sesswalità umana: kelma li ma tifgax il-libertà tal-bniedem, imma tgħinu jkun aktar ħieles”.  
Fl-aħħar nett, l-Isqof t’Għawdex jisħaq li l-edukazzjoni għas-sesswalità għandha tiġi offruta mhux tant f’termini moralistiċi imma b’metodu li joħroġ fid-deher il-ġmiel tal-imħabba awtentika.