“L-imħabba lejn Alla u lejn għajrek hi l-qalb tal-Kristjaneżmu” – Il-Papa Franġisku

Fl-omelija tal-Ħadd il-Papa Franġisku qal li post Kristu hu fiċ-ċentru tal-imħabba għax “hi l-qalb minn fejn jibda kollox”. Il-Papa kien qed jindirizza l-eluf ta’ pellegrini li dalgħodu inġabru fi Pjazza San Pietru għall-indirizz ta’ nhar ta’ Ħadd.
Il-Mexxej tal-Knisja Kattolika rrifletta fuq l-Evanġelju, li kien silta mill-qari skont San Mattew. Fil-silta, għaref fil-Liġi Fariżej għamel mistoqsija lil Kristu biex iġarrbu u saqsieh liema hu l-kmandament il-kbir fil-Liġi.
Ir-risposta ta’ Kristu kienet li l-iktar kmandament importanti hu li tħobb lill-Mulej Alla tiegħek u li tħobb lil għajrek bħalek innifsek.
Il-Papa Franġisku għamel referenza għall-ewwel Enċiklika ta’ Papa Benedittu XVI, Deus Caritas Est, fejn kien qal li “jekk inħobb lil għajri biss nista’ ninduna x’jagħmel Alla għalija u kemm iħobbni.”
Fl-indirizz tiegħu, il-Papa Franġisku reġa’ fakkar din il-frażi u qal li l-Kristjani jistgħu jagħtu xhieda tal-imħabba ta’ Alla fid-dinja jekk jgħinu u jħobbu lin-nies ta’ madwarhom.
Żied jgħid li l-imħabba tkejjel il-fidi u l-fidi hi r-ruħ tal-imħabba. Qal li qatt ma nistgħu nisseparaw il-ħajja reliġjuża mis-servizz lejn l-aħwa.
Ikkonkluda billi appella lil dawk preżenti jiftħu qalbhom għar-rigal tal-imħabba u biex dejjem jimxu b’dawn iż-żewġ uċuħ li huma wiċċ wieħed, il-liġi tal-imħabba.