L-imħabba hi l-magna li tmexxi t-tama

Is-salib, l-imħabba u s-sagrifiċċju huma l-unika triq biex negħlbu l-ħażen u nagħtu tama lid-dinja. Dawk li jħobbu ħajjithom biss u dejjem iridu aktar, huma t-telliefa.  Hekk qal il-Papa Franġisku fl-udjenza ġenerali tiegħu nhar l-Erbgħa li għadda.
“Għall-kuntrarju, dawk li lesti jsevu lill-oħrajn u jgħixu kif irid Alla huma r-rebbieħa li jsalvaw lilhom infushom u lil oħrajn għax huma żerriegħa tat-tama għad-dinja. Dan il-proċess li forsi ma jidhirx loġiku hu sors ta’ saħħa għat-tama nisranija, kompla jsostni l-Papa.
“Kristu jispjega it-tama ġdida li joffri b’vers mill-Evanġelju ta’ San Ġwann meta qal: Jekk iż-żerriegħa tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, tibqa’ sempliċement żerriegħa; imma jekk tmut, tipproduċi ħafna frott. Min iħobb ħajtu jitlifha u min jobgħod ħajtu f’din id-dinja jippreserva għall-eternità’”.
“Hu biss meta ż-żerriegħa tinqasam u tinfetaħ li tista’ tagħti ħajja ġdida li tikber u tagħti frott bl-abbundanza. Ġesu’ Kristu nnifsu segwa dan il-proċess billi “niżel fl-art” mill-glorja tal-Ġenna u sar tarbija ċkejkna, bħal żerriegħa żgħira tal-qamħ, sostna l-Papa.
“U dak ma kienx biżżejjed. Biex ta l-frott Kristu għex l-imħabba u ħalla lilu nnifsu jitkisser mill-mewt kif jiġrilha żerriegħa fl-art. Kien f’dak il-mument preċiż fejn baxxa lilu nnifsu li wera l-aqwa imħabba u tama”, kompla  jispjega l-Papa Franġisku lill-udjenza li kellu quddiemu.
“Għalhekk bil-mewt u l-qawmien tiegħu, Kristu għamel kollox ġdid, bidel id-dnub tagħna f’maħfra, il-mewt tagħna fil-qawmien u l-biża’ tagħna f’tama. Għalhekk, hemm fuq is-Salib, twieldet u terġa’ titwieled it-tama tagħna. Għalhekk Kristu hu dak li dejjem jista’ jibdel kull moment mudlam f’dawl, kull telfa f’rebħa, kull diżappunt f’tama. It-tama tirbaħ kollox għax hi msejsa fuq l-imħabba ta’ Kristu li għamel lilu nnifsu bħal qamħa fl-art u miet biex jagħtina l-ħajja – ħajja mimlija mħabba li tiġi mit-tama”.
Il-Papa żied li “meta n-nies jagħżlu t-triq imfassla minn Alla, malajr jiskopru li t-triq tar-rebħa fil-ħajja hi ħajja ta’mħabba. Ma hemmx triq oħra biex negħlbu l-ħażen u nagħtu ħajja lid-dinja. L-imħabba vera trid tgħix is-salib u s-sagrifiċċju mhux bħala l-mira tagħha imma bħala t-triq meħtieġa li twassal għall-vera glorja u għal ħajja ġdida. Dan hu li jagħmlu l-ommijiet – jagħtu ħajja oħra – wara li jbagħtu fit-tqala imma mbagħad jifirħu għax welldu ħajja ġdida.
“L-imħabba hi l-magna li tmexxi ‘l quddiem it-tama u n-nies iridu jitgħallmu jħobbu dejjem aktar kull jum”, temm jgħid il-Papa Franġisku.