L-imġiba fir-ristoranti għandha tkun infurzata b’multi – MAM

REUTERS/Guglielmo Mangiapane

L-Assoċjazzjoni Medika ta’ Malta (MAM) weriet it-tħassib tagħha fuq l-illaxkar tal-miżuri mħabbar ilbieraħ filgħaxija, jiġifieri li minn nhar il-Ġimgħa li ġej se jiftħu mill-ġdid ir-ristoranti, tax-xagħar, tad-dwiefer u l-beauticians, jista’ jsir sport barra u taħriġ sa gruppi ta’ sitt persuni u jistgħu jintwerew films fil-miftuħ, fost l-oħrajn.

Fost in-nuqqas ta’ qbil tagħha mad-deċiżjonijiet tal-Gvern, il-MAM qalet li l-imġiba tan-nies fir-ristoranti għandha tkun infurzata b’multi u mhux meqjusa bħala linji gwida li n-nies faċilment jistgħu jinjoraw.

Fi stqarrija maħruġa dalgħodu, il-MAM qalet li tapprezza l-isforz tal-Gvern biex gradwalment l-ekonomija tibda tieħu r-ruħ, l-istess il-ħajjiet tan-nies, iżda tħoss li r-riskji mediċi serji minn dawn il-miżuri jistgħu jiġu evitati b’informazzjoni onesta u dixxiplina stretta fuq it-tbegħid soċjali u b’iġjene infurzata b’multi.

Sostniet li l-iżbalji li saru bil-kwarantina volontarja wara l-ivvjaġġar m’għandhomx jiġu ripetuti.

Aqra l-lista sħiħa ta’ miżuri llaxkati mħabbrin ilbieraħ
Filmat: “Inkomplu nirritornaw għan-normal nhar il-Ġimgħa – il-PM

Għaldaqstant, il-MAM qalet li s-sitwazzjoni mhix stabbli kif ingħad peress li kien hemm qabża fil-każijiet fl-aħħar ġimgħa, u 14-il każ f’Malta huma ekwivalenti għal 1,700 każ fl-Italja f’ġurnata. L-Isptar Mater Dei ffaċċja l-agħar 10 ijiem mill-bidu tal-epidemija peress li kellhom jingħalqu tliet swali u rekord ta’ 287 ħaddiem tas-saħħa jinsab kwarantina.

Saħqet li ma kien hemm l-ebda konsultazzjoni magħha fir-rigward tat-tranżizzjoni mħabbra lbieraħ filgħaxija, u kif din se taffettwa lill-ħaddiema tas-saħħa. Il-MAM se tistaqsi għal laqgħat urġenti mal-awtoritajiet.

Dwar il-ftuħ tar-ristoranti, il-MAM qalet li dan mhux se jkun soġġett għal regolamenti, imma għal linji gwida li mhumiex obbligatorji u mhumiex infurzati b’multi. Skont l-Assoċjazzjoni, dan imur kontra l-prinċipji bażiċi tas-saħħa pubblika, li tirrikjedi infurzar biex il-pubbliku jkun protett. Ikkumparat dan ma’ logħba futbol mingħajr regoli u referee. Barra minn hekk, il-MAM qalet li l-pubbliku għandu jkun infurmat li l-coronavirus jista’ jinxtered anke fuq platti, fuq pożati u fuq imwejjed.

In-nies vulnerabbli, qalet il-MAM, huma inkoraġġiti ma jagħmlux kwarantina, imma fl-istess ħin ingħad li l-virus xorta għadu hawn, għalhekk dan hu messaġġ kunfliġġjenti fil-konfront tagħhom. L-Assoċjazzjoni sejħet kontradittorju wkoll il-fatt li issa se jibdew jitħallew gruppi ta’ sitta fil-pubbliku imma xorta huwa rakkomandat it-tbegħid soċjali.

Il-MAM temmet l-istqarrija tagħha billi qalet li l-illaxkar tal-miżuri jaf se jkollu benefiċċji ekonomiċi, iżda hemm riskji serji għas-saħħa li ma jistgħux jiġu injorati, u huma l-ħaddiema tas-saħħa li se jbatu l-aktar. Hija beħsiebha tibqa’ ssegwi s-sitwazzjoni mill-qrib u tirreaġixxi kif ikun meħtieġ.