L-imgħallem jista’ ma jħallikx taħdem mid-dar jekk għandek qraba vulnerabbli?

Jekk inti għandek qraba vulnerabbli imma inti tinsab fi stat ta’ saħħa tajba, mela l-imgħallem tiegħek jista’ ma jippermettix li inti taħdem mid-dar. Dan anke jekk inti għandek dak kollu neċessarju biex ix-xogħol tiegħek tagħmlu mid-dar.

Dan ikkonfermatu kelliema għall-Ministeru tas-Saħħa ma’ Newsbook.com.mt, wara li diversi persuni kkuntattjaw din il-kamra tal-aħbarijiet b’domandi simili dwar min għandu dritt jaħdem mid-dar u min le.

Diversi persuni li jgħixu ma’ persuni anzjani jew li għandhom mard kroniku mhux qed jitħallew jaħdmu mid-dar. Dan anke jekk għandhom dak kollu meħtieġ biex jagħmlu dan mill-kumdità ta’ darhom u bl-istess livell ta’ effiċjenza.

Il-kelliema għall-Ministeru sostniet li l-permess li wieħed jaħdem mid-dar huwa impost fuq l-imgħallma biss fejn jidħlu impjegati li huma vulnerabbli. Jekk il-persuna mhix vulnerabbli, mela xorta waħda trid tmur għax-xogħol sakemm l-imgħallem jiddeċiedi li tista’ taħdem mid-dar jew toħroġ l-ordni ta’ lockdown tal-pajjiż mill-Gvern.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne kien ħabbar li persuni vulnerabbli għandhom jibqgħu miġbura fi djarhom b’effett mis-Sibt 28 ta’ Marzu 2020. Il-lista ta’ persuni vulnerabbli tinkludi:

  • In-nies li se jkunu affettwati minn din il-liġi huma:
  • Persuni ta’ aktar minn 65 sena
  • Persuni li huma dijabetiċi fuq l-insulina
  • Persuni li qegħdin fuq mediċina ‘biological’
  • Persuni li kellhom kanċer f’dawn l-aħħar 6 xhur
  • Persuni li għandhom ‘imune supression’
  • Persuni li qegħdin fuq ‘dialysis’
  • Nisa li huma tqal
  • Persuni li għandhom mard respiratorju u fl-aħħar 6 xhur daħlu l-isptar
  • Persuni li għandhom mard tal-qalb u fl-aħħar 6 xhur daħlu l-isptar
  • Persuni li jmorru l-klinika tal-‘heart failure’
  • Persuni li qegħdin fuq ‘oral steroids’

Kien ġie spjegat li persuni li jgħixu fl-istess dar ma’ persuni vulnerabbli għandhom joħorġu biss biex imorru għax-xogħol, biex jagħmlu xiri essenzjali, biex jattendu appuntamenti mediċi u jeżerċitaw l-aċċess favur uliedhom skont l-ordni ta’ Qorti kompetenti.