L-imgħallem jista’ jġegħelni nieħu l-leave bilfors?

L-imgħallem jista’ jġegħelni nieħu l-leave bilfors? Dan huwa żmien fejn min iħaddem jista’ jagħmel li jrid bl-impjegat? Il-maternity leave kif se jiġi affettwat?  Dawn kienu wħud mill-mistoqsijiet tal-qarrejja ta’ Newsbook.com.mt li wieġbu l-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela u Diane Vella Muscat, Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi, waqt Newsbook Q&A.

Carmelo Abela stqarr li qatt ma basar li Malta mal-bqija tad-dinja kellha taffaċċja din il-kriżi, anke fid-dinja tax-xogħol. “Xi ħaġa li konna forsi naraw f’xi film u li tista’ ssir realtà” żied jgħid Abela, filwaqt li qal li mhux biss ħadd ma basar imma d-dinja lanqas kienet ippreparata.

Min iħaddem jista’ jġiegħel lill-ħaddiema jieħdu l-leave?

Iva, forced leave jista’ jintalab taħt ċertu kundizzjonijiet. Din trid tiġi kkomunikata lill-impjegati, mhix kwistjoni ta’ mil-lum għal għada. Min iħaddem jista’ jagħmel użu frutt minn dan. Il-leave huwa miżura fejn il-paga u l-bonuses ma jitnaqqsux. Hemm kwistjoni oħra li tgħid li jekk l-impjegat ġie mġiegħel jieħu l-leave, u jekk ghada pitghada jispiċċa bla xogħol jew jirriżenja, min iħaddem ma jistax jgħidlu li jrid irodd lura fi flus dak il-leave li jkun ħa.

Dan huwa żmien ta’ free for all għal min iħaddem? Jagħmel li jrid bil-ħaddiem?

Żgur li le. F’dan il-perjodu rridu nħarsu lejn il-kundizzjonijiet li l-ħaddiema kisbu tul iżżmien. Dak li nkiseb m’għandniex narmuh għax għaddejjin minn żmien diffiċli – anzi nkomplu ntejbuhom. Għalhekk nisħqu fuq ir-responsabbiltà ta’ kulħadd, mhux biss dik tal-ħaddiema imma wkoll ta’ min jimpjega. Ħadd ma għandu japprofitta ruħu mis-sitwazzjoni biex innaqqru l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Niddefenduhom anki b’ċertu sagrifiċċji, ħalli meta jgħaddi dan iżżmien ikrah, noħorġu flimkien aktar f’saħħitna minn din is-sitwazzjoni.

Il-post tax-xogħol tiegħi ġie temporanjament magħluq. X’se jiġri issa?

Jiddependi dejjem xi jkun qal min iħaddem lill-ħaddiema tiegħu. Forsi l-ewwel iħallihom jużaw il-leave tagħhom, imbagħad japplika għal unpaid leave mad-Dipartiment u sussegwentament japplika għall-iskemi mal-Malta Enterprise.

Il-ħaddiema li ma jikkwalifikaw għal xejn, mhux ukoll iħallsu t-taxxi?

Jekk hemm xi employer li għadu ma ssemmiex għalissa, xorta jista’ jimla dik l-applikazzjoni tal-Malta Enterprise. L-ME mbagħad tiċċekkja u tara jekk dik l-għajnuna għandhiex tiġi estiża lejn dik l-attività ekonomika jew għal dik il-kumpanija jew self-employed. Dik l-għajnuna li tiġi mogħtija lill-employer trid tingħata lill-ħaddiema. Jekk l-employer jingħata €800 għal ħaddiem, dawn irid jgħaddihom lill-impjegat.

Ċerti benefiċċji, bħall-bereavement leave jew maternity leave, kif se jiġu affettwati f’dawn iċ-ċirkostanzi?

Meta għandek dawn il-benefiċċji speċjali, li huma mħallsa, jiġifieri ma jkunx hemm tnaqqis tal-paga f’dak il-perjodu, dawn huma dejjem marbuta mal-working time. Dejjem jiddependi mill-pożizzjoni tal-ħaddiem f’dik il-kumpanija partikolari. Mela, jekk il-ħaddiem qiegħed fuq reduced hours, xorta jkun jagħmel użu frutt pro rata ta’ dawk il-benefiċċji. Jekk il-ħaddiem ġie mwaqqaf mix-xogħol jew qiegħed bl-unpaid, le. Jekk min iħaddem ikun ġab permess mid-Dipartiment, u jkunu żammew il-ħaddiema tagħhom imma joperaw b’inqas sigħat, allura dawn il-benefiċċji jibqgħu jgħoddu, imma pro rata.

L-aħħar jum tax-xogħol tiegħi kien fl-20 ta’ Marzu għax waqqfuna minħabba l-lock down. Ħadna l-paga b’ġimgħa nieqsa. X’nagħmel? (Cleaner li taħdem part-time f’dar tal-anzjani)

Erġa’ tkellem mad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani. Importanti li tibqa’ ssostni sakemm jagħtuk risposta. Ikkuntattja wkoll lid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u Impjiegi (DIER) biex inkunu nistgħu ngħinuk f’dak relatat mal-paga biex tieħu lura dak li tkun ħdimt għalih.

Ngħix ma’ persuna vulnerabbli. Ma nistax ma mmurx għax-xogħol. Qaluli biex nieħu l-leave kollu u wara nibda bl-unpaid leave. Il-leave ta’ kwarantina ma ssemma qatt. X’inhi s-sitwazzjoni?

Is-saħħa l-ewwel u qabel kollox. Idealment min jgħix ma’ persuni vulnerabbli ma joħroġx u jagħmel arranġamenti ma’ min jaħdmu biex possibilment jaħdem mid-dar. Għandna nagħmlu sforz biex anki x-xogħol ikun jista’ jinbidel xi ftit. Il-liġi tax-xogħol torbot il-leave ta’ kwarantina ma’ dawk il-liġijiet li toħroġ is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika. Irid isir ftehim ma’ min iħaddem dwar il-leave, għax hekk tiġi li tkun naqqart il-benefiċċji kollha. Hemm min jippreferi li jiġi redundant biex jieħu l-iskemi kollha. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ saħħa, wieħed jista’ jagħmel arranġament li jekk hemm pereżempju 2 toilets – wieħed juża wieħed, u l-ieħor juża l-ieħor.

Jiena sid u direttur ta Child Care Centre. Sal-lum m’għandix idea x’se jiġri min-negozju tiegħi. M’għandix numru tal-VAT.

Il-klijent taċ-childcare centres huwa l-Gvern. F’dan il-każ il-kuntatt għandu jsir mal-Ministeru għall-Edukazzjoni. Il-Gvern ħallas liċ-childcare centres sal-aħħar ta’ Marzu. Bħalma l-Gvern qed jgħin lil kull negozju f’Malta, mhux se jinsa lil dawn.  L-applikazzjonijiet huma disponibbli għal kulħadd, anke għal dawk bla numru tal-VAT. Il-formula tinsab fuq covid19.maltaentreprise.com.

andkom xi forma ta’ customer care li toffri l-pariri?

Iva, hemm helpline. Nieħdu kemm telefonati kif ukoll imejls. Naħdmu għal ħin twil biex inlaħħqu mad-domanda. In-numru 1575 huwa għall-impjegati/ħaddiema. In-numru 1576 għal min iħaddem u self-employed. L-imejl huwa info.dier@gov.mt.  Ma rridux li jkun hemm xi sfruttament ta’ xi wħud. Ma jistgħux jitnaqqsu l-ħtiġijiet tal-ħaddiema. Il-liġi tax-xogħol għadha hemmhekk. Hemm id-DIER biex jitħarsu d-drittijiet tal-ħaddiema. Nifhmu li ninsabu f’ċirkostanzi tassew partikolari u fid-diffikultajiet.  F’każi fejn jintilef l-impjieg, persuni b’diżabilità u persuni oħrajn li b’xi mod jew ieħor jintlaqtu, jew jeħtieġu xi għajnuna, għandhom jikkuntattjaw lill-Ministeru għas-Solidarjetà Soċjali.

Rappurtaġġ Addizzjonali: Liz Cutajar

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn