L-Imġarrin kontra proġett li se jieħu daqs 7 grawnds tal-futbol ta’ raba’

Read in English.

Xi Mġarrin huma kontra proġett fil-lokalità biex jinbena park solari f’żona ta’ raba’ li tesa’ daqs seba’ grawnds tal-futbol u aktar. L-Oppożizzjoni wkoll oġġezzjonat għal dan il-proġett.

Fost il-komunità Mġarrija nbdiet petizzjoni li topponi l-proġett (PA/05313/20), maħsub għaż-żona magħrufa bħala Tar-Ragħad, fi Triq il-Banjijiet Rumani. Il-proġett, li l-applikant tiegħu huwa Joseph Schembri, jikkonsisti f’serer u park solari f’żona ta’ madwar 43,303 metru kwadru.

Dawk li bdew il-petizzjoni argumentaw li dan il-proġett se jirrovina x-xenarju tal-Imġarr, u jkompli jeqred id-dehra rurali tar-raħal. Apparti hekk, argumentaw li l-proġett se jieħu art verġni ‘l barra miż-żona tal-iżvilupp, u se jipperikola simboli tradizzjonali tar-ruralità Maltija, bħall-ħajt tas-sejjieħ u l-girna. Wissew ukoll fuq il-qerda tal-ekosistema fiż-żona u tal-art fertili li tista’ tintuża mill-bdiewa.

Għaldaqstant, huma qed jappellaw lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tirrifjuta li toħroġ permess għal dan il-proġett.

Min-naħa tiegħu, il-Kunsill Lokali tal-Imġarr irrikonoxxa t-tħassib tar-residenti, u qal li jifhmu u jaqsam dan l-istess tħassib. Huwa ħabbar li qed jieħu l-pariri tekniċi mill-konsulenti tiegħu dwar dan. Beħsiebu jistudja l-aħjar mod kif iħares dan il-wirt u jipproteġi d-drittijiet tar-residenti u tal-ambjent.

STQARRIJAIl-Kunsill Lokali tal-Imġarr jirrikonoxxi t-tħassib ta’ bosta residenti dwar applikazzjonijiet u proġetti ta’…

Posted by Kunsill Lokali tal-Imġarr – Imgarr Local Council on Wednesday, December 30, 2020

L-Oppożizzjoni topponi l-proġett

Fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Tisħiħ tal-Agrikoltura Edwin Vassallo, il-Partit Nazzjonalista qal li, “Filwaqt li kull żvilupp jista’ jkollu raġuni valida,  daqstant ieħor jeħtieġ li f’pajjiżna nibdew nagħmlu l-għażliet tagħna dwar jekk hux se nibqgħu naċċettaw aktar raġunijiet validi bl-iskuża tal-iżvilupp filwaqt li nitilfu aktar raba’.”

Il-PN saħaq li f’Malta ma jistax jibqa’ jintilef ir-raba’ f’mument fejn in-numru ta’ bdiewa full-time qed jonqos.

Il-petizzjoni s’issa ġabret 900 firma. Tista’ taraha hawn.

Int taqbel ma’ dan il-proġett?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt