L-IMF iwissi biex l-MFSA tkun indipendenti

Il-Fond Monetarju Internazzjonali wissa’ lill-awtoritajiet Maltin biex jiggarantixxu indipendenza fit-tul tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji bħala l-awtorità li tagħmel superviżjoni fuq is-servizzi finanzjarji.

Fir-rapport li joħroġ kull sena mill-IMF, l-esperti ekonomiċi saħqu dwar l-importanza li f’Malta jkun hawn superviżjoni fuq is-settur finanzjarju kif ukoll li jittejjeb il-monitoraġġ fuq l-attivitajiet mhux bankarji fis-settur finanzjarju. L-IMF appella wkoll biex Malta tipprovdi iktar informazzjoni dwar is-settur finanzjarju.

Fi stqarrija, il-Gvern qal li l-esperti tal-IMF faħħru x-xogħol tal-Gvern biex tissaħħaħ l-integrità tas-servizzi finanzjarji. L-IMF filfatt qal li huwa importanti li jkomplu r-riformi li twettqu fl-aħħar snin.

Dwar is-settur tal-akkomodazzjoni soċjali, l-IMF qed tissuġġerixxi lill-Gvern Malti biex iżid il-provvista tad-djar biex aktar nies jibbenefikaw mill-miżuri soċjali. L-esperti tal-IMF saħqu li f’Malta l-miżuri biex id-djar jinbiegħu bi prezzijiet aktar raġjonevoli għandhom jibqgħu immirati biex jilħqu familji bi dħul baxx.

L-IMF innota li t-tkabbir qed joħloq sfidi ġodda, fosthom pressjoni fuq l-infrastruttura u pressjoni fis-suq tax-xogħol. Madanakollu, il-Gvern qal li dan huwa xhieda tal-politika tajba tiegħu, tant li l-esperti tal-IMF qed ibassru tkabbir ta’ aktar minn 5% għal din is-sena, filwaqt li d-dejn nazzjonali mistenni jaqa’ għal taħt l-40% tal-ġid nazzjonali sal-2021.

Tista’ taqra r-rapport sħiħ tal-IMF hawnhekk:L-istqarrija tal-Gvern tinsab hawn: