Deċiża: L-ilmenti tar-residenti mhux se jwaqqfu bini għoli

Minkejja l-oġezzjonijiet tar-residenti fis-Swieqi, l-Awtorità tal-ippjanar ħarġet il-permess biex tinbena lukanda ta’ tmien sulari.
Din il-lukanda li se tinbena minflok dar li hi għolja żewġ sulari fi Sqaq Lourdes San Ġiljan se jkollha 104 kmamar tas-sodod.
Skont ir-regoli f’din iż-żona ma jistax jinbena bini għola minn tliet sulari. Madanollu l-proġett ibbenefika minn għadd ta’ miżuri fosthom mill-politika tal-lukandi li minnha bbenefikat li tista’ tibni żewġ sulari aktar.
Il-Kunsill Lokali tas-Swieqi ilmenta kontra dan il-proġett. Waqt is-smigħ mill-Awtorità tal-Ippjanar ir-residenti argumentaw li l-lukanda se żżid il-problema ta’ traffiku u tal-parkeġġ, l-istorbju fit-triq u se tkompli ddejjaq it-triq.
Min-naħa tagħha l-President ta’ Din l-Art Ħelwa Maria Grazia Cassar qalet li l-lukanda se jidfen il-Palazzo Villa Rosa filwaqt li Vince Cassar, li vvota kontra dan il-proġett qal li l-lukanda se timmina l-kwalità tal-ħajja tar-residenti.