“Rabta każwali biss bejn il-kanċer u l-kimiċi fl-ilma” – WSC

Read in English.

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qalet li filwaqt li l-ilma f’Malta huwa tajjeb għax-xorb, qiegħda tinvesti sabiex tara li ttejbu, partikolarment billi tnaqqas il-livell ta’ trialometani fih. Hija insistiet li hemm biss rabta każwali bejn il-kanċer fil-bużżieqa tal-awrina u l-kimiċi fl-ilma.

Fi stqarrija, il-Korporazzjoni spjegat li l-limitu tat-trialometani aċċettabbli fl-ilma skont id-Direttiva tal-Ilma tax-Xorb tal-Unjoni Ewropea hija dik ta’ 100 µg kull litru. Il-livell f’Malta huwa ta’ 49.4 µg kull litru, jiġifieri nofs il-massimu permess. Qabel Malta hemm biss Ċipru fejn il-livell huwa ta’ 66.2 µg kull litru. Għaldaqstant, il-Korporazzjoni kkonkludiet li m’hemmx riskji meta wieħed jixrob mill-ilma tal-vit.

Il-Korporazzjoni kienet qiegħda tirreaġixxi għal studju maħruġ fil-ġurnal Amerikan Environmental Health Perspectives. L-istudju jirrigwarda l-kimiċi fl-ilma, u jgħid li s-sitwazzjoni f’Malta hija fost l-agħar fl-Ewropa, peress li hemm rabta bejn dawn il-kimiċi u wieħed minn kull ħames każijiet ta’ kanċer tal-bużżieqa tal-awrina. Min-naħa tagħha, il-Korporazzjoni enfasizzat li hemm biss rabta każwali bejn il-kanċer tal-bużżieqa tal-awrina u l-esponiment għat-trialometani.

L-istudju hu bbażat fuq informazzjoni li nġabret bejn l-2005 u l-2018 mill-istati membri tal-Unjoni Ewropea.

L-investiment tal-Korporazzjoni fit-titjib tal-ilma għandu jwassal għal togħma aħjar u anke għal tnaqqis fil-livelli tat-trialometani.