L-ilbies tal-maskra f’postijiet pubbliċi jista’ jnaqqas ir-riskju tat-tieni mewġa

REUTERS/Sergio Perez

Read in English.

L-użu estiż ta’ maskli tal-wiċċ mill-popolazzjoni kollha jista’ jwassal biex it-trasmissjoni tal-COVID-19 titnaqqas għal livelli li jistgħu jiġu kkontrollati f’każ ta’ epidemija nazzjonali, u flimkien ma’ lockdowns, dan jista’ jwassal għall-prevenzjoni ta’ tifqigħat ġodda tal-pandemija fil-futur, skont studju ġdid ippublikat fir-Renju Unit nhar l-Erbgħa.

Ir-riċerka, mmexxija minn xjentisti mill-Universitajiet Brittanniċi ta’ Cambridge u Greenwich, tissuġġerixxi li miżuri u restrizzjonijiet fuq il-moviment ta’ persuni (lockdowns) waħedhom mhux se jwaqqfu l-possibilità li tfeġġ mill-ġdid pandemija ta’ SARS-CoV-2 coronavirus, imma li bl-għajnuna ta’ maskli, anke dawk magħmula fid-djar, jistgħu jitnaqqsu drastikament ir-rati ta’ trasmissjoni jekk in-nies jilbsuhom fil-pubbliku.

“L-analiżi tagħna jappoġġjaw it-teorija li l-pubbliku għandu jadotta immedjatament l-użu ta’ maskli tal-wiċċ,” qal Richard Stutt, li kien wieħed mix-xjentisti li mexxa l-istudju f’Cambridge.

Huwa qal li s-sejbiet juru li l-użu mifrux ta’ maskli flimkien ma’ miżuri ta’ distanza soċjali u ċerti restrizzjonijiet ta’ lockdown, jista’ jkun “mezz aċċettabbli kif nimmaniġġjaw il-pandemija u nerġgħu niftħu mill-ġdid l-attività ekonomika” fi żmien qabel ma jiġi żviluppat u ma jkun disponibbli għall-pubbliku vaċċin effettiv kontra l-COVID-19, il-marda respiratorja kkawżata mill-coronavirus.

Is-sejbiet tal-istudju kienu ppubblikati fil-ġurnal xjentifiku “Proceedings of the Royal Society A”.

L-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa aġġornat il-linji gwida tagħha nhar il-Ġimgħa biex tirrakkomanda li l-gvernijiet jitolbu li kulħadd jilbes maskla tal-wiċċ magħmula mid-drapp f’żoni pubbliċi fejn ikun hemm riskju ta’ infezzjoni, sabiex titnaqqas il-firxa tal-marda.

F’dan l-istudju, ir-riċerkaturi rabtu d-dinamika tal-firxa bejn il-persuni ma’ mudelli li jirriflettu l-popolazzjoni, biex jivvalutaw l-effett fuq ir-rata ta’ riproduzzjoni tal-marda, jew il-valur R, skont xenarji differenti ta’ użu tal-maskla marbut ma’ perjodi ta’ lockdown.

Il-valur R ikejjel l-għadd medju ta’ persuni li jistgħu jimirdu meta jiġu f’kuntatt ma’ persuna li diġà għandha l-virus. Valur R ta’ aktar minn 1 jista’ jwassal għal tkabbir esponenzjali. 

L-istudju sab ukoll li l-fatt li n-nies jilbsu maskla kull meta jkunu fil-pubbliku għandu effettività doppja fit-tnaqqis tal-valur R meta mqabbel mal-ilbies tal-maskli biss wara li jibdew ifeġġu s-sintomi. 

Fix-xenarji kollha evalwati matul l-istudju, l-użu regolari ta’ maskla tal-wiċċ minn 50% jew aktar tal-popolazzjoni naqqas il-firxa tal-COVID-19 għal valur R ta’ anqas minn 1.0, biex b’hekk titnaqqas il-qawwa ta’ mewġiet futuri tal-marda  u jiġu implimentati lockdowns anqas stretti.

“L-adozzjoni tal-ilbies ta’ maskli għall-wiċċ mill-massa tista’ twassal għal riżultati pożittivi sinifikanti,” qalet Renata Retkute, xjentista oħra li mexxiet l-istudju.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn