“L-iktar vulnerabbli huma l-iktar żvantaġġjati bil-privatizzazzjoni tas-saħħa”

Il-privatizzazzjoni tas-servizzi tal-kura tas-saħħa se jpoġġu fi żvantaġġ dawk li huma l-iktar vulnerabbli li jagħmlu użu mis-servizzi tas-saħħa.
Dan qalitu l-Alleanza għas-Saħħa Mentali (A4MH), u żiedet li dan huwa ‘arranġament inaċċettabbli’.
L-A4MH kienet ippubblikat il-pożizzjoni tagħha f’Ottubru ta’ sentejn. Fiha kienet tenniet li hi kontra l-privatizzazzjoni tas-servizzi tal-kura tas-saħħa.
L-Alleanza temmen li meta servizz tas-saħħa jiġi pprovdut mill-privat biex minnu jsir qligħ, dan jonqos milli jintlaħqu l-bżonnijiet veri tan-nies li jbatu minn mard kroniku inkluż dak mentali.
Tikkwota l-esperjenza internazzjonali fil-qasam li turi li dawk li għandhom marda kronika huma l-iktar nies li jfittxu s-servizz iktar spiss.
L-A4MH kienet imwaqqfa biex tagħmel pressjoni fuq l-awtoritajiet u tagħti l-kontribut tagħha biex tiġi żviluppata u implimentata l-istrateġija nazzjonali li hemm bżonn b’mod urġenti fir-riforma tas-settur tas-saħħa mentali f’Malta.