L-iktar restorant ‘pastaż’ f’Londra mhux se jibqa’ joffendi l-klijenti

Restorant Ċiniż li kien magħruf bħala l-"aktar restorant pastaż f'Londra” wiegħed li se jerġa' jiftaħ b'servizz aħjar.
F'dan ir-restorant il-klijenti kienu jiġu mgħajjra u ttrattati bl-agħar manjieri. “Flus kontanti biss. Ħaffu u fittxu kulu malajr. Ma tistgħux tpoġġu fuq l-istess mejda. Ma għandniex furketta u sikkina!” Dawn huma ftit biss mill-frażijiet li kienu jisimgħu il-klijenti li kienu jżuru dan ir-restorant.
Il-wejters f'dan ir-restorant spiss kienu jisfidaw ir-regola li l-klijent dejjem għandu raġun, tant li l-klijenti kienu jiġu mgħajjra u offiżi mill-wejters. Madankollu xi klijenti kienu jieħdu gost b'dan is-servizz tant li kienu jikkjuwjaw biex jieklu minn dan ir-restorant.
Wara li għamel xi żmien magħluq, issa dan ir-restorant “Wong Kei” li jinsab f'Chinatown f'Londra, mistenni jerġa' jiftaħ fejn ġie mwiegħed li l-klijenti se jingħataw servizz aħjar.