L-iktar inċidenti fuq ix-xogħol fis-sajf iseħħu fil-manifattura

Bejn Lulju u Settembru li għadda kien hemm inċident wieħed fuq il-post tax-xogħol li ħalla vittma, waqt li l-għadd totali ta’ inċidenti rappurtati kien fl-istess livell tal-istess żmien is-sena li għaddiet.
L-NSO qal dan hekk kif ippubblika l-istatistika għat-tielet kwart tas-sena.
Ġew irrappurtati 842 inċident li ma ħallew ebda fatalità, b’wieħed minn kull ħames inċidenti jseħħu fil-qasam tal-manifattura (21.4%).
Il-qasam tal-kostruzzjoni kien fit-tieni post, bi 15.7% tal-inċidenti rrappurtati, segwit minn dak tat-trasport u l-imħażen b’14.6%.
Kważi wieħed minn kull tliet inċidenti kien jinvolvi ħaddiema f’xogħol meqjus elementari, segwit minn dawk fis-snajja’.
Erbgħa minn kull 10 inċidenti affettwaw is-subgħajn jew l-idejn, b’ġerħiet jew feriti superfiċjali nkella diżlokazzjoni, ġbid jew konsegwenzi simili.