L-iktar djar f’Malta mingħajr tfal, b’persuna 1 jew 2

Iktar minn nofs id-djar abitati f’Malta huma appartamenti, waqt li l-maġġoranza tad-djar kollha abitati fil-pajjiż għandhom ħamest ikmamar minbarra l-garaxxijiet, kmamar tal-banju jew kmamar żgħar oħra.
Tlieta minn kull erbat idjar huma propjetà ta’ min jgħix fihom waqt li kważi 6 minn kull 10 m’għandhomx self mill-bank fuq id-dar.
F’Malta, 64% tad-djar abitati huma mingħajr tfal, iktar minn nofs id-djar huma abitati minn żewġ persuni jew persuna waħda, waqt li bħala medja, l-ispejjeż tad-dar ilaħħqu €172 fix-xahar.
Din hi l-istampa li toħroġ minn ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) li madankollu turi li hemm parti sostanzjali mis-soċjetà li qed issib diffikultà.
Iktar minn nofs dawk li wieġbu għall-istħarriġ tal-NSO sostnew li l-ispejjeż tad-dar huma piż kbir għalihom, waqt li kważi wieħed minn kull 4 jinsabu fil-faxxa ta’ dawk li huma f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali.
4 minn kull 10 jgħixu f’żoni esposti għat-tniġġiż jew problemi ambjentali waqt li kważi 1 minn kull 3 jgħixu f’inħawi storbjużi ħafna.
Fejn jidħlu kumditajiet, 95% tad-djar abitati f’Malta għandhom telefon, televiżjoni tal-kulur u magna tal-ħasil. Imma 27% m’għandhomx kompjuter u 18.5% m’għandhomx karozza.
Kważi 86% qalu li jaffordjaw jieklu tiġieġ, laħam, ħut jew l-ekwivalenti f’ikel veġetarjan, darba kull jumejn, waqt li iktar minn nofs dawk li wieġbu qalu li ma jaffordjawx ġimgħa btala barra minn Malta fis-sena.