Aġġornata: L-iktar bini dejjaq f’Malta?

Bini ġdid li tiela’ fi Triq Sliema, il-Gżira kien fil-mira ta’ bosta kummenti dwar id-daqs tiegħu. Dan għax il-faċċata tal-bini hi pjuttost dejqa.
F’dak li jidher bħala riklam li tpoġġa fuq Facebook, kien hemm battuti bħal li l-binja hi tajba għal dawk li jħobbu l-ħamsters u l-fniek tal-Indi.
Skont l-applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar, se tinbena hostel fuq ħames sulari u penthouse. B’kollox se jkun hemm disa’ kmamar.
Fost il-kummenti dwar dan ir-ritratt, hemm min staqsa fejn se jiġi t-taraġ, b’risposta sarkastika tkun li se tintuża sistema ġdida ta’ teleporting bejn sular u ieħor.
Ħafna minn dawk li qed jikkummentaw qajmu t-tħassib tagħhom dwar jekk il-bini hux skont ir-regoli u jekk jistax isir taraġ.
Kien hemm min qajjem l-argument li bini ta’ dan id-djuq jeżisti f’ħafna pajjiżi oħra filwaqt li oħrajn ilmentaw kif irridu nibnu kull ‘toqba’ b’reazzjoni għal dak li huma sejħulu bħala żvilupp eċċessiv f’Malta.
Fost dawk li kkummentaw hemm il-periti Andre Pizzuto u Christopher Mintoff.
Il-Perit Pizzuto qal li m’hemm l-ebda regola tgħid kemm jista’ jkun dejjaq sit biex jiġi żviluppat.
Flimkien mal-Perit Mintoff, Pizzuto qal li x-xogħol għadu mhux lest u għalhekk wieħed ma jistax jgħaddi ġudizzju. 
Pjanti approvati u aċċess għal persuni b'abbiltajiet differenti
Sadanittant, Newsbook.com.mt tkellem ma' sidt il-post imsemmi, li qalet li għandha kollox skont il-liġi, kif ukoll il-permessi kollha approvati.
Clarissa Azzopardi żiedet tgħid li hemm il-permessi għall-kmamar, u aċċess għal persuni b'abbiltajiet differenti f'kull kamra.
Il-blokka mgħammra b'lift u taraġ.