L-ikona tal-ħbiberija

Ikona tal-hbiberija

Biex titlob b’ikona m’hemmx għalfejn tagħmel xi kors kif titlob. Tista’ tibqa’ bilwieqfa, bilqiegħda jew għarkupptejk quddiemha. Tista’ tagħmel inkin quddiemha, tbusha jew tixgħel xemgħa … ġesti li jesprimu qima mhux lix-xbieha nnifisha imma venerazzjoni u mħabba lejn Kristu, li jidher fuqha. Ġesti bħal dawn jgħinuk tesprimi lil Alla dak li jkollok f’qalbek, speċjalment meta lanqas tkun tista’ ssib kliem biex tesprimih.

Toqgħod għal ftit mumenti quddiem ikona fis-skiet jista’ jkun mod kif tgħid lil Ġesù: “Hawn jien.” Sempliċement toqgħod hemm u tħallih iħares lejk jgħinek tikber fil-komunikazzjoni tiegħek miegħu. Imma toqgħodx tipprova tiskopri s-simboli kollha li fiha, qisha xi puzzle, inkella tibqa’ biss fuq il-wiċċ. Biex l-ikona tkellmek trid tagħtiha ż-żmien. Forsi jkollok bżonn tħares lejha diversi drabi. Dan jagħmilha possibbli, bir-ritmu tal-qalb u mhux tal-moħħ, biex l-ikona tkabbar il-ħbiberija tiegħek ma’ Alla.

Menas jirrappreżenta lilek

Din l-ikona unika, tas-Seklu 7, instabet fi knisja Koptika fl-Eġittu. L-oriġinal skoprewh arkeologi Franċiżi u llum jinsab fil-Louvre. L-ikona turi lil Kristu u qaddis Eġizzjan jismu Menas. Menas jirrappreżenta lil kull min jemmen, anki lilek. L-ikona toffri messaġġ dwar il-ħbiberija li Ġesù joffri lil kull min jaċċetta li jilqagħha.

Din l-ikona kienet togħġob ħafna lil Frere Roger, fundatur ta’ Taizé, villaġġ żgħir u post ta’ talb fi Franza. Għalhekk il-kopja tal-ikona li hemm f’Taizé tinżamm b’għożża kbira.

Ma hemmx dubju li l-aktar ħaġa importanti fl-ikona hija id Kristu fuq spallejn ħabibu. Hu dejjem Kristu li jieħu l-inizjattiva, kif jgħid San Ġwann: “Hawn qiegħda l-imħabba, mhux għax aħna ħabbejna lil Alla imma għax ħabbna Hu” (1 Ġw 4:10).

Wara li rċieva l-imħabba ta’ Kristu, ħabibu Menas jidher b’idu l-leminija jbierek lill-oħrajn. Dan hu messaġġ ewlieni fil-vanġeli: li meta nħallu lilna nfusna niġu maħbuba minn Alla jwassal biex aħna wkoll, bl-aktar mod naturali, nittrażmettu din il-barka lill-oħrajn.

Tista’ ssegwi nofs siegħa talb kuljum minn fuq il-Youtube channel ta’ Taizé fit-7.45pm. Tkun tista’ tisma’ l-kant famuż ta’ Taizé, bl-istil uniku tiegħu. Għandek imnejn tħoss l-id leminija ta’ Ġesù fuq spalltek, iħaddnek bħala ħabibu … u int fis-skiet tgħidlu, “Hawn jien.”

Miktub minn Brother Jean-Marc li jgħix f’Taizé

Tista’ tara l-verżjoni diġitali ta’ FLIMKIEN billi tagħfas hawn

Flimkien Jannar 2021 Cover