L-ikla tal-Ħadd tal-PM f’ristorant Għawdxi

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela għażel ristorant Għawdxi biex fih jorganizza l-ikla tal-Ħadd flimkien mal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.

Il-PM flimkien mal-mara tiegħu Lydia Abela dehru f’wieħed mir-ristoranti fil-pjazza tax-Xagħra l-Ħadd waranofsinhar fejn magħhom kellhom ukoll lill-Ministru Clint Camilleri flimkien mal-mara u t-tifla tagħhom.

Il-PM mill-ġimgħa l-oħra qal li se jkun minn tal-ewwel li juża s-servizz ta’ ristorant. Huwa saħaq li bil-miżuri ta’ mitigazzjoni li daħlu fis-seħħ fosthom li l-imwejjed ikunu mbegħdin ma jkunx hemm riskju li wieħed ilaqqat il-Covid-19.

Ir-ritratti ġew ippubblikati mill-Ministru Clint Camilleri fuq Facebook fejn appella biex l-istabbilimenti lokali jiġu sostnuti.

Intant, aktar tard, Oleander Restaurant irringrazzja lill-Prim Ministru u martu, u lill-Ministru Camilleri u familtu talli għażlu lilu għall-ewwel ikla tal-Ħadd tagħhom mindu fetħu r-ristoranti. Il-Prim Ministru ħallielhom nota biex jirringrazzjahom tas-servizz, u kitbilhom li din l-ikla kienet tfisser “bidu sabiħ lejn normalità sħiħa fil-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.”

Was proud to host for the opening weekend..The Prime Minister of Malta Robert Abela, his wife and the Minister of Gozo…

Posted by Oleander Restaurant on Sunday, May 24, 2020

Il-Ġimgħa, ir-ristoranti flimkien ma’ għadd ta’ stabbilimenti oħrajn, tħallew jiftħu wara xahrejn magħluqa. L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qalet li jekk ir-ristoranti jinqabdu ma jsegwux ir-regoli l-ġodda ladarba jiftħu, dawn tista’ tittiħdilhom il-liċenzja.

Illum stess, ir-ristoranti għamlu appell lill-PM biex jirregola s-suq tal-kera minħabba li s-sidien ta’ kirjiet kummerċjali għadhom qed jitlbuhom l-istess prezzijiet.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn