Aġġornata: Jaslu l-provvisti tal-ikel u l-ilma abbord Eleonore

Twitter / Claus-Peter Reisch /Johannes Filous

Provisti tal-ikel u l-ilma, kif ukoll xi ġugarelli għat-tfal abbord il-bastiment Eleonore tal-għaqda Ġermaniża Mission Lifeline waslu wara li ngħata permess li dawn jittieħdu minn Transport Malta.

Fost l-affarijiet li waslu fuq il-bastiment hemm ilma, couscous, tuffieħ u disinfettant. It-tfal tal-kaptan tal-bastiment kummerċjali li wassal il-provvisti poġġew ukoll xi ġugarelli skont il-ġurnalist li hemm abbord Eleonore.

Il-KE bdiet il-kuntatt biex jitniżżlu l-persuni fuq Eleonore

Kelliema għall-Kummissjoni Ewropea qalet ma’ Newsbook.com.mt li ‘l bieraħ rċiviet talba biex tibda l-koordinazzjoni biex il-101 persuna abbord Eleonore tal-għaqda Ġermaniża Mission Lifeline jitniżżlu f’port sigur.

L-Eleanore salva 101 persuna li fosthom hemm 30 minuri. Kemm Malta u l-Italja ċaħdet it-talba li dawn jingħataw port sigur.

Il-kelliema qalet ma’ Newsbook.com.mt li l-Kummissjoni tinsab bħalissa f’kuntatt kontinwu ma’ dawk l-istati membri li huma interessati jkunu parti minn dan l-impenn ta’ solidarjetà.

Skont sorsi fi ħdan l-Uffiċċju għall-Affarijiet Barranin Ġermaniż, kienet propju l-Ġermanja li talbet il-Kummissjoni Ewropea tikkordina u ssib soluzzjoni għal dawk abbord il-bastiment tat-tfittxija u salvataġġ Eleonore.

Il-kelliema kellha kliem ta’ tfiħir għal dawk l-istati membri tal-Unjoni Ewropea li fil-passat ħadmu biex jinstabu s-soluzzjonijiet neċessarji biex b’hekk il-persuni li jiġu salvati minn fuq id-dgħajjes jew id-dinghy mill-bastimenti tal-għaqdiet mhux governattivi jitniżżlu f’wieħed mill-istati membri qabel ma jiġu relokati lejn stati membri oħra.

Il-kelliema saħqet fuq l-importanza li stati membri minn ftehim ad hoc ta’ rilokazzjoni għandhom jonoraw il-ftehim mill-ewwel, hekk kif innuttat li grupp ta’ persuni ħalla Malta biex jibdew ħajja ġdida fil-Ġermanja. Sostniet li huwa importanti li l-istati membri jonoraw il-ftehim b’mod immedjat speċjalment fil-każ ta’ Malta fejn bħalissa hawn numru mhux ħażin ta’ persuni li qed iffittxu ażil li ġew salvati fl-aħħar xhur.

L-ikel u l-ilma se jispiċċalhom; TM tirrifjuta l-permess li jintbagħatulhom

L-ikel u l-ilma fuq il-bastiment il-ġdid tal-għaqda mhux governattiva Ġermaniża Mission Lifeline wasal biex jispiċċa, bit-tim tal-loġistika abbord jgħid li dan maħsub jispiċċa sal-lum f’nofsinhar.

Dan jista’ jwassal biex jiġi ddikkjarat stat ta’ emerġenza abbord il-bastiment.
Kemm l-Italja u Malta rrifjutaw li jagħtu permess lil MV Eleonore li jidħol f’port sigur bil-101 persuna abbord li ġew salvati mill-għarqa.

Malta rrifjutat tagħti permess lill-għaqda biex jintbgħatu provisti tal-ilma u ikel lil Eleonore b’bastiment.

Il-grupp ta’ 101 persuna huwa magħmul minn irġiel biss fosthom 30 taħt l-età ta’ 18-il sena b’nofshom mhumiex akkumpanjati minn ġenitur jew xi ħadd li qed jieħu ħsiebhom. Transport Malta sal-ħin li qed jinkiteb dan l-artiklu ma pprovdewx lil Newsbook.com.mt bir-raġuni għalfejn ma ngħatax il-permess biex jitwasslu l-provisti tal-ikel u l-ilma.

Il-Kaptan ta’ Eleonore huwa Claus-Peter Reisch li s-sena l-oħra kien spiċċa quddiem il-Qorti meta daħal Malta b’iktar 200 persuna salvata. Reisch diġà ddeskriva s-sitwazzjoni kritika abbord hekk kif m’hemmx wisq spazju fejn dawn il-persuni kollha jistgħu joqgħodu.

AQRA: Filmat: 234 persuna jinżlu l-art wara 6 ijiem bejn sema u ilma

AQRA: Filmat: Lifeline: Il-kaptan b’multa ta’ €10,000; se jitqassmu lil NGOs fosthom l-Ursolini

Fl-aħħar ġimgħat diversi bastimenti spiċċaw jistennew fl-ibħra internazzjonali sakemm intlaħaq qbil bejn il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea biex il-persuni salvati minn fuq id-dingies jew dgħajjes tal-injam li kienu qed jaħarbu mil-Libja.

Ħafna drabi l-bastimenti tal-għaqdiet mhux governattivi qed jispiċċaw ikollhom jistennew fl-ibħra internazzjonali sakemm jingħataw port sigur. Dan minħabba li s-salvataġġ isir fejn il-Libja, u għaldaqstant l-awtoritajiet Maltin u Taljani jirrifjutaw li jagħtu port sigur. Fid-dawl tal-kunflitt fil-Libja, diversi persuni ħarbu mill-pajjiż u tkellmu dwar il-vjolenza li sofrew.

AQRA: Filmat u ritratti: L-immigranti tal-Ocean Viking jaslu Malta

AQRA: Aġġornata 4: Jidħlu Malta 123 immigrant

Il-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Magħquda kemm-il darba talab biex ir-refuġjati u l-immigranti maqbuda fiċ-ċentri tad-detenzjoni fil-Libja, jinħelsu u jiġu evakwati.