L-ikel hu l-akbar spiża għal familja t’erbgħa

Studju nazzjonali fuq l-aċċess għal ikel bnin, nadif u ġust juri li l-ikel hu l-akbar spiża għal familja ta’ erba’ persuni, li trid tonfoq aktar minn €500 fix-xahar biex tiekol tajjeb.

Waqt it-tnedija ta’ dan l-istudju, il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, insistiet li hu dritt il-poplu li jkabbar, ibigħ u jiekol ikel bnin.

Dan l-istudju ġie ppubblikat mill-Osservartorju Nazzjonali għall-Għajxien Xieraq u ċ-Ċentru Nazzjonali għar-Riċerka tal-Familja, fi ħdan il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà.

Il-President semmiet kwistjonijiet importanti dwar l-ikel u s-saħħa f’Malta, pereżempju l-kwistjoni tal-obeżità qawwija f’pajjiżna u l-fatt li nofs l-imwiet f’pajjiżna huma kawża ta’ mard kardjovaskulari.

Dan ikompli juri kemm l-aċċess għal ikel bnin hu importanti fit-twettiq tal-ġustizzja soċjali.