L-ikbar wirja tal-ajru f’Malta f’Settembru li ġej

Numru rekord ta’ ajruplani se jkunu qed jipparteċipaw fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-airX Malta International Airshow 2014.  Il-wirja li se tittella’ s-Sibt 27 u l-Ħadd 28 ta’ Settembru, se tkun l-akbar waħda li qatt ra l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Fost il-parteċipanti se jkun hemm ir-Red Arrows u l-Frecce Tre Colori. 
Id-dettalji għat-22 edizzjoni tal-wirja internazzjonali tal-ajru ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mill-President tas-Soċjetà Maltija tal-Avjazzjoni (MAS) u ċ-Ċermen tal-airX Charter.
Il-President tal-MAS Joe Ciliberti qal li fil-wirja ta’ din is-sena għandu jkun hemm aktar timijiet ta’ wirjiet aerobatiċi f’daqqa.
L-airX se tkun qed tagħti l-appoġġ tagħha għat-tieni sena konsekuttiva. Iċ-Ċermen John B. Matthews, ħabbar li l-airX qiegħda fil-proċess li tkabbar il-flotta tagħha ta’ business jets privati u li aktar minn 50% tal-flotta tal-kumpanija hi rreġistrata f’Malta.
Hu stmat li l-Wirja Internazzjonali tal-Ajru tas-sena l-oħra żaruha madwar 15,000 persuna.
Il-biljetti tad-dħul tas-Sibt se jkunu €13 l-wieħed, filwaqt li tal-Ħadd se jkunu €15. It-tfal ta’ taħt it-12-il sena jidħlu b’xejn.