“L-ikbar weġgħa hi li tara pazjenti jmutu waħedhom” – tabib Taljan

Patient suffering from coronavirus disease (COVID-19) is seen in an intensive care unit at the Oglio Po hospital in Cremona
REUTERS/Flavio Lo Scalzo

Read in English.

It-Tabib Romano Paolucci, li hu rtirat imma qed jagħti daqqa t’id fi sptar Taljan fil-qalba tal-pandemija tal-coronavirus, qal li l-ikbar weġgħa mhix li jara n-nies imutu, għax dik dera jaraha, imma li jarahom imutu waħedhom, mingħajr qraba u ħbieb.

Irrakkonta kif ħafna drabi, il-pazjenti qed ikollhom jgħidu “ċaw” tal-aħħar lill-maħbubin tagħhom fuq it-telefown.

Paolucci huwa wieħed mis-70 tabib li qegħdin jaħdmu xifts twal fl-Isptar Oglio Po, li sa xahar ilu kien sptar normali. Illum ġie mgħammar sabiex jingħata trattament lill-pazjenti bil-coronavirus, peress li l-provinċja Cremona hija waħda mill-erba’ provinċji li għandhom l-iżjed każijiet tal-coronavirus.

It-tabib qal lill-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters li l-isptar laħaq il-limiti tiegħu peress li hu żgħir u qed jilqa’ lil ħafna nies. Spjega li m’għandhomx biżżejjed riżorsi, speċjalment impjegati, peress li dawn qed jimirdu wkoll.

Żied jgħid li biex il-pazjenti ma jmutux kompletament waħedhom, saru jikkuntattjawlhom lill-qraba tagħhom biex jispjegawlhom x’qed jiġri. Dan peress li ħafna minnhom huma anzjani u m’għandhomx mowbajls jew mhumiex imdorrijin jużawhom.

It-tobba spjegaw lil Reuters li fl-isptar tħallew biss tliet sodod għal mard ieħor apparti l-coronavirus. Sitta mid-disa’ kirurgi għandhom il-virus u kellhom jitilqu d-dar. 20% mill-impjegati ġew infettati.

L-infermiera Daniela Confalonieri li taħdem fi sptar f’San Raffaele f’Milan inkwetata wkoll fuq il-coronavirus fost l-impjegati. Qalet li hemm ukoll ħafna tensjoni qalb l-impjegati. Is-sitwazzjoni hija tant drastika li lanqas għadhom jgħoddu kemm mietu nies.

L-Italja llum qabżet liċ-Ċina fl-għadd ta’ mwiet u saret il-post fejn mietu l-iktar nies bil-coronavirus. B’kollox fl-Italja mietu 3,405 persuni.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn