L-ikbar Siġra tal-Milied magħmula mill-‘muffins’ f’Raħal Ġdid

Bħalissa fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid qed tittella’ l-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ 'Milied f’Casal Paola' fejn wara li s-sena l-oħra kien inkiser rekord ta’ l-itwal ‘Christmas Log’ din is-sena se tkun qed tintrama Siġra tal-Milied magħmula bil-‘muffins’ bil-għan li jinkiser rekord ieħor. Mill-bejgħ tal-'muffins' il-qliegħ mistenni jmur għall-karità.

Fost l-attrazzjonijiet prinċipali tal-avveniment ta’ min wieħed isemmi l-logħob tan-nar tal-art sinkronizzat mal-mużika tal-għanjiet tal-Milied. Dan mistenni jagħlaq il-programm sħiħ ta’ attivitajiet li fost l-oħrajn jinkludi diversi wirijiet imtella’ minn għaqdiet u soċjetajiet tal-lokal flimkien ma’ Presepju ħaj.

Dan l-avveniment li huwa s-seba’ wieħed fl-istorja qed jiġi organizzat mill-Kunsill Lokali Paola flimkien mas-Soċjetà Mużikali GM Fra Antoine De Paule u bil-kollaborazzjoni tas-Segretarjat Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni, L-Awtorità tat-Turiżmu u s-sehem ta' diversi għaqdiet u gruppi mill-lokal ta' Raħal Ġdid.